Lokali Parlament

40 Għassa tal-Pulizija qed jaħdmu bl-intercom

Joe Giglio, PN

Id-deputat Nazzjonalista Joe Giglio qal fil-parlament li l-Korp tal-Pulizija jinsab fi stat diffiċli fejn minħabba nuqqas ta’ pulizija hawn 40 għassa li qed jaħdmu bl-intercom.

Fl-Aġġornament Joe Giglio qal li din hi sitwazzjoni allarmanti. Ir-Rapport Josif Galea kien pubblikat biss f’parti waħda minnhom minkejja li kellu jkun pubblikat fit-totalità tiegħu.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li r-responsabbiltà hi tal-Kummissarju tal-Pulizija għaliex mhux magħruf min hu dieħel u ħiereġ mill-pajjiż. Il-gvern qed ikompli jinsisti li jfassal l-ekonomija fuq l-importazzjoni tal-ħaddiema; dan bla pjan u viżjoni.

Dan ġab problemi kbar fl-ambjent, fit-trasport, fis-sigurtà u fl-infrastruttura. Il-gvern qed jimporta 10,000 ħaddiem fis-sena li qed ikunu sfruttati; dan hu gvern medjokri fil-mod kif fassal l-ekonomija.

L-aħħar sentejn u nofs kien hawn 800 inċident tat-traffiku b’bosta fatalitalijiet waqt li hawn sistema kaotika tat-traffiku. Iddaħħli l-iscooters bla pjan.

Hu tkellem dwar l-investigazzjonijiet u l-inkjesti u qal li mhu jsir fejn dwarhom. Il-Maġistrati Inkwerenti huma bla riżorsi bil-konsegwenzi li hemm inkjesti li ilhom miftuħa snin u li għadhom miftuħin. Dan hu pajjiż fejn m’hawn infurzar u li kulħadd jista’ jagħmel li jrid, sostna Joe Giglio.