Sport Sport Ieħor

Ċess: Riżultat prestiġjuż għal Jack Mizzi fil-Kampjonat tal-ESNA f’Liechtenstein

Jack Mizzi, li għandu biss 16-il sena u li huwa ċ-champion renjanti tal-Juniors, ipparteċipa fil-Kampjonat taċ-Ċess tal-ESNA li sar fil-Liechtenstein.   

Fil-kampjonat prestiġjuż li jsir kull sentejn, kien hemm fost il-parteċipanti żewġ Grand Masters (Andorra u Monaco), International Master (Lussemburgu), żewġ Fide Masters (Ċipru u San Marino) u Candidate Master (Guernsey).

Jack, li minbarra li kien l-iżgħar plejer fl-età kellu l-inqas rating ta’ 1863 fl-ewwel żewġ rounds wettaq sorpriża meta għeleb lil IM Fred u FM Michaelides li kellhom rating ta’ 2300 u 2304 rispettivament. Fit-tielet round, Mizzi kien megħlub mnn wieħed mill-favoriti GM Henderson tal-Andorra plejer bl-ogħla rating ta’ 2504. Din it-telfa iżda ma telfitx mill-konċentrazzjoni ta’ Mizzi hekk kif fiż-żewġ rounds ta’ wara għeleb lil FM Volpinari ta’ San Marino u Carpenter ta’ Jersey.

B’Jack Mizzi jkun ikklasiffikat fit-tieni post sal-ħames round, il-Malti sofra t-tieni telfa tiegħu kontra Apol, Luitjen Akselsson tal-Gżejjer Faroe fis-sitt round biex fir-round ta’ wara mbagħad tilef ukoll kontra GM Efimov ta’ Monaco.

Wara dawn iż-żewġ telfiet Jack Mizzi kiseb rebħa kontra Renato Frick tal-Liechtenstein u draw kontra CM Kirby ta’ Guensey.

Mizzi mistenni jiksab madwar 140 punt fir-ratings, riżultat tajjeb ħafna għal-plejer ta’ 16-il sena. Jack bħalissa jifforma parti mill-Malta Olympics’ Committee Youth Development Scheme u ftit tal-ġimgħat ilu, għadu kif ħa sehem fl-Olimpijadi taċ-Ċess li saru f’Chennai, l-Indja.  Il-plejer żagħżugħ irrappreżenta wkoll lil Malta kemm il darba bħala Junior.

Il-kampjonat ESNA intrebaħ minn GM Henderson segwit minn GM Efimov u Apol.  Iktar dettalji dwar il-kampjonat jinsabu fuq https://chess-results.com/tnr675539.aspx?lan=1&art=4