Futbol Sport

Dejan Stankovic viċin li jsir kowċ ta’ Sampdoria

(Ritratt: EPA)

Wara li nhar il-Ħadd keċċew lil Marco Gianpaolo, Sampdoria jinsabu f’diskussjonijiet avvanzati sabiex jaħtru lill-eks plejjer ta’ Inter u Lazio Dejan Stanovic biex imexxi lit-tim li jinsab ankrat fl-aħħar post tal-klassifika is-Serie A.

L-aħħar avventura ta’ Stankovic bħala kowċ, kienet ma’ Red Star f’pajjiżu s-Serbja fejn minn meta nħatar kowċ f’Diċembru tal-istaġun 2019-20 rabaħ żewġ kampjonati, bit-tieni wieħed ikun bla telfa b’Red Star jirbħu 35 minn 38 partita. Huwa rebaħ ukoll it-tazza tal-pajjiż fl-istaġun 2020-21. Stankovic irriżenja f’Awwissu li għadda wara li Red Star kienu eliminati mill-fażi tal-Play-Offs tal-UEFA Champions League minn Maccabi Haifa tal-Iżrael.

Rapporti fl-Italja qed jgħidu li Stankovic se jkun qed jiltaqa’ mat-tmexxija ta’ Sampdoria aktar tard illum sabiex ikun finalizzat il-ftehim u eventwalment jiffirma l-kuntratt biex jinħatar kowċ ġdid tas-Samp.