Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Dibattitu fil-Parlament Ewropew dwar il-5 snin anniversarju mill-qtil – David Casa

Il-Grupp PPE fil-Parlament Ewropew talab biex isir dibattitu fl-okkażjoni tal-5 anniversarju mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
 
Id-dibattitu għandu jħares lejn il-progress li għamlu l-istituzzjonijiet Maltin f’dawn l-aħħar ħames snin, fit-tfittxija tal-ġustizzja għal Daphne, fit-tressiq il-qorti ta’ dawk li huma mplikati fir-reati li investigat u rrapportat, fit-tisħiħ tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fejn instabu li hemm nuqqasijiet kbar.
 
“Fis-16 ta’ Ottubru nfakkru ħames snin minn meta Daphne Caruana Galizia nqatlet b’mod brutali,” qal l-MEP David Casa.” Minn dak iż-żmien ‘l hawn, l-għanqbuta tal-korruzzjoni li mplikat l-ogħla livelli tal-gvern, inkixfet. Dan wassal għall-inkjesta pubblika indipendenti, li tgħid, li l-istat għandu jġorr ir-responsabbiltà għall-qtil tagħha.”
 
L-istituzzjonijiet f’Malta naqsu bil-kbir quddiem korruzzjoni sfaċċata fl-ogħla livelli. Naqsu milli jipproteġi l-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Dan mhuwiex biss inkwetanti għaċ-ċittadini Maltin, iżda wkoll għaċ-ċittadini kollha tal-UE, li l-libertajiet tagħhom jiddependu minn dawn il-valuri.
 
“Is-sitwazzjoni f’Malta għadha mwiegħra,” qal Casa. “L-impunità li ħeġġet l-assassinju ta’ Daphne għadha tirrenja suprema. Mhux biss m’hemm l-ebda progress fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, iżda hemm skandli li qed jiġu rrappurtati prattikament kull ġimgħa. Minflok ir-responsabbiltà politika, qed naraw ħabi kbir.
 
“It-tfittxija għal ġustizzja għal Daphne tikkonċerna lill-Ewropej kollha.”
 
Dibattitu dwar l-anniversarju ta’ ħames snin huwa ċans f’waqtu għall-MPE, mill-ispettru politiku kollu, biex janalizzaw il-progress li sar. Għad fadal wisq raġunijiet li jġiegħluna niskrutinizzaw l-istituzzjonijiet ta’ Malta.
 
“Kullħad jaf li s-saltna tad-dritt f’Malta hija mhedda,” fakkar Casa. “Huwa importanti li l-Unjoni Ewropea żżomm għajnejja fuq l-istatus ta’ Malta bħala demokrazija b’istituzzjonijiet li jaħdmu, b’saħħithom u indipendenti. Hawnhekk qed nitkellmu dwar it-trasparenza u l-kontabilità fil-mod ta’ kif qed titmexxa Malta.
 
“Jekk il-familja ta’ Daphne u l-pajjiż qatt jista’ jkollhom għeluq fuq dan il-kapitlu mudlam, dawk kollha involuti, jeħtieġ li jinżammu responsabbli. U l-istituzzjonijiet iridu jissaħħu b’tali mod li l-ebda ġurnalist ma jerġa’ jinqatel sempliċement għax wettaq dmiru.”