Lokali

Donazzjoni ta’ €25,000 għal riċerka dwar mard tal-kliewi

Il-Fondazzjoni LifeCycle flimkien mal-kumpanija Nescafé taw donazzjoni ta’ €25,000 lid-Dipartiment tar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Iżvilupp (RIDT) fl-Università ta’ Malta b’appoġġ għar-riċerka attwali li qed issir biex jiġu determinati d-difetti ġenetiċi f’pazjenti b’mard poliċistiku tal-kliewi f’Malta u Għawdex.

Iċ-ċekk ġie ppreżentat lir-Rettur tal-Università, il-Professur Alfred Vella, minn Alan Curry, Fundatur tal-Fondazzjoni LifeCycle (Malta), u ċ-Chairperson Shirley Cefai fil-preżenza tar-rappreżentanti ta’ Nescafé, l-isponsor ewlieni tal-isfida ta’ din is-sena, u membri tat-tim tar-riċerka RIDT. Il-programm qed jitmexxa mid-Dipartiment tal-Anatomija u Bijoloġija Ċelluli tal-Università b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Mediċina u d-Dipartiment tal-Patoloġija fl-Isptar Mater Dei.

Il-LifeCycle Challenge ta’ din is-sena se ssir bejn il-31 ta’ Ottubru u l-14 ta’ Novembru, għall-ewwel darba fl-Amerika t’Isfel. Iċ-ċiklisti se jkunu qed ikopru bejn 160 u 200 kilometru kuljum, biex jaqsmu minn Buenos Aires fl-Arġentina għal Santiago de Chile fejn se jitilgħu għoli ta’ madwar 3,500 metru fl-Andes, l-ogħla sfida li tkun saret s’issa.

Donazzjonijiet lill-Fondazzjoni LifeCycle jistgħu jsiru permezz ta’ Revolut fuq 9932 9101, minn PayPal fuq din il-link: https://buff.ly/35g17CC u permezz ta’ SMS: 5061 7370 għal €2.33; 5061 8920 għal €6.99; 5061 9229 għal €11.65; jew permezz ta’ sejħa fuq 5160 2020 għal €10; 5170 2005 għal €15; u 5180 2006 għal €25.

Id-donazzjonijiet jistgħu jsiru wkoll permezz ta’ trasferimenti bankarji permezz tal-Iswift Code VALLMTMT, IBAN MT 18 VALL 22013000000014814521017, bl-isem tal-Bank ikun Bank of Valletta, u n-numru tal-kont 14814521017.