Sport Sport Ieħor

Futsal: ”Din hija opportunità unika għall-klabb biex jikteb l-istorja u jagħmilha għall-Elite Round” Nathaniel Jones (Direttur Tekniku)

Aktar tard dan ix-xahar Luxol St. Andrews Futsal Club jibdew bl-impenji tagħhom fil-Main Round tal-UEFA Champions League

Il-Maltin fil-grupp għandhom magħhom liċ-Champions Sloveni Dobovec, l-Olandiżi Hovocubo u liċ-champions Ewropej Barcelona.

Il-logħob tal-gruppi se jsiru f’Malta bejn il-25 u t-30 ta’ Ottubru bil-logħob se jkun qed jintlagħab fil-kumpless tal-Università ta’ Malta.

Luxol, immexxija mill-kowċ Gabriel Dobre friski mill-aħħar suċċess bir-rebħ tas-Super Cup, fil-jiem li ġejjin se jħallu pajjiżna għal Polonja għal Kamp ta’ Taħriġ kif ukoll se jkunu qed jilgħabu partiti ta’ ħbiberija kontra ċ-Champions Pollakki Gliwice.

L-Erbgħa filgħodu, fil-Millenium Hall saret Konferenza tal-Aħbarijiet li fiha ħadu sehem bosta uffiċjali ta’ Luxol Futsal fosthom il-President mario Vella, id-Direttur Tekniku Nathaniel Jones u Mireille u Je Aquilina li huma Event Coordinator u Chairman tal-klabb rispettivament.

Nathaniel Jones fid-diskors tiegħu qal li din hija opportunità unika għall-klabb biex jikteb l-istorja u jagħmilha għall-Elite Round hekk kif tlieta mill-erba’ timijiet se jikkwalifikaw minn dan il-grupp. Huwa kompla jgħid li l-involviment taċ-Champions Barcelona se jkun qed jogħli l-livell ta’ dan it-tournament f’pajjiżna. Jones introduċ wkoll lill-akkwisti l-ġodda ta’ Luxol għal dan l-istaġun li huma l-eks plejer ta’ Lazio Dejan Bizjak u erba’ Brażilajani ġodda Diece, Rodrigo Fumaca, Victor Dias u l-goalkeeper Celio Cabral.

Minbarra dawn Luxol iffirmaw erba’ plejers Maltin li huma Luke Gatt, Andre Ciancio, Gregory Busuttil u Ryan Marmara.

Iċ-Chairman Joe Aquilina qal li l-partiti ta’ ħbiberija li se jintlagħabu fil-Polonja se jkunu qed iservu biex it-tim ikun jaf f’liema kundizzjoni fiżika jinsab kif ukoll biex ikun preparat tattikament.

Il-President Mario Vella qal li tournament bħal dan jirrikjedi ħafna xogħol mill-att loġistiku u qal li dan hu riżultat ta’ ħidma kollettiva minn grupp ta’ nies li huma preparati għall-livell Ewropew. Huwa rringrazzja wkoll lill-isponsors għall-għajnuna tagħhom.