Ambjent Edukazzjoni Lokali

Iċċelebrat il-Jum Dinji tal-Annimali fl-iskola St.Patrick’s

Fl-iskola St.Patricks f’Tas-Sliema ġie iċċelebrat il-Jum Dinji tal-Annimali. Waqt attività li saret apposta għal din l-okkażjoni, ħadu sehem l-istudenti u l-għalliema kollha ta’ din l-iskola li titmexxa mis-Salezjani.

Din l-attivita li kienet ikkordinata bejn id-Direttorat ghall-Ħarsien tal-Annimali u l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali fejn intwerew filmati u saru taħdidiet edukattivi u informattivi li ttrattaw diversi aspetti varji fuq il-ħarsien tal-annimali f’pajjiżna.

Waqt din l-attivita, li tmexxiet mir-rettur tal-iskola Fr Erik Cachia, attendiet ukoll is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Ħarsien tal-Annimali Alicia Buġeja Said li kienet akkumpanjata minn Robert Cutajar f’isem id-direttorat u George Farrugia f’isem l-Uffiċċju tal-Kummissarju.

Interessanti jingħad li r-rettur tal-iskola fid-diskors tiegħu kkonferma li l-iskola kienet ser taddotta kelb u li kienu l-istess studenti li ser ikunu qed jieħdu ħsiebu. Fil-jiem li ġejjin it-tfal ta’ St.Patricks se jkunu mistiedna fil-kumpless tal-Għammieri sabiex ikunu huma li jagħżlu l-kelb favorit tagħhom sabiex jaddottawh.

Fi tmiem l-attività ġew preżentati numru ta’ kotba lill-istudenti filwaqt li l-istudenti ppreżentaw donazzjoni f’ikel tal-annimali.