Futbol Lokali

Il-club Rumen jgħid li kien għamel investigazzjoni dwar Mangia

Tkompli teskala l-istorja ta’ Devis Mangia u l-allegazzjonijiet serjissimi li qed jaffaċja – inkluż fir-Rumanija.

Fl-aħħar sigħat, il-club Rumen li miegħu kien jilgħab id-difensur Razvan Popa iddikjara li kien għamel investigazzjoni interna u ma rrapurtaw xejn. Aktar u aktar minħabba l-fatt li l-ġenituri għażlu li ma jirrapurtawx il-każ; u l-istqarrija ħarġuha 3 snin tard.

Dan ġie dikjarat mill-club Università Craiova wara l-allegazzjonijiet serjissimi li għamlet omm Razvan Popa mal-media Rumena.

“Minn dak li qaltilna l-familja ta’ Popa dak iż-żmien, kien hemm ħafna kontradizzjonijiet. Eventwalment, iddeċidejna li nwaqqfu l-kuntratt ta’ Mangia b’mod amikevoli”, qal il-club Rumen. “L-uniku evidenza li kellna kienet dik preżentata mill-familja tal-plejer”.

Bħalissa, Devis Mangia qed ikun investigat mill-Pulizija Maltija wara l-allegazzjonijiet li saru minn żewġ plejers tan-nazzjonal.

Hu qed jibqa’ jiċħad li kien hemm nuqqas minn naħa tiegħu.

L-MFA minn naħa tagħha ħadet azzjoni mal-ewwel, bis-Safegurading Officer qed imexxi investigazzjoni separata.

L-intervista waqt il-programm NETLIVE

Ġurnalist Rumen jemmen li hemm aktar individwi li kellhom inkwiet simili ma’ Devis Mangia. Għallinqas dan huwa dak li qed tgħid oħt il-plejer illi fl-aħħar snin allegatament sofra minn dawn l-avvanzi.

Dan kollu ġie żvelat waqt il-programm NETLIVE f’intervista esklussiva mal-ġurnalist Costin Stucan illi kien il-persuna li tkellem ma’ omm Razvan Popa – illi qalet li Mangia ried jimmasturba quddiem binha u wettaq dawk li hi sejħet “avvanzi” ta’ natura sesswali u f’xi waqtiet anke vjolenti.

Fuq Net TV, Stucan stqarr li l-akkużi ta’ din l-omm huma serjissimi. U spjega għaliex din il-familja għażlet li titkellem 3 snin wara li allegatament ġara dan kollu.

Il-ġurnalista spjega kif il-club spiċċa ikkastiga lill-plejer, u kien hawn li Razvan Popa kien wasal biex ineħħi ħajtu b’idejh.