Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Ir-Russja twissi dwar il-periklu ta’ konfront militari mal-Punent

Il-Kremlin ta’ Moska wissa li d-deċiżjoni tal-Istati Uniti biex tibgħat aktar għajnuna militari lill-Ukrajna kompliet iżżid il-periklu ta’ konfront militari bejn il-qawwiet Rissi u l-Punent.

L-Ambaxxatur Russu għall-Istati Uniti, Anatoly Antonov, qal li l-aġir tal-Amerikani waqt il-gwerra fl-Ukrajna qed jitqies bħala ‘theddida immedjata’ għal Moska u meta r-Russja ta’ Vladimir Putin akkużat lill-Istati Uniti bħala ‘parteċipant’ fil-konflitt li għaddej bħalissa fl-artijiet Ukreni.

L-għajnuna kontinwa tal-Punent lill-Ukrajna qed tirrabja bil-kbir lir-Russja meta l-invażjoni tal-ġar mit-truppi ta’ Putin issa daħlet fit-tmien xahar.

Fil-fatt, l-Istati Uniti , sigħat ilu, ħabbret li qed tibgħat jerġa’ aktar għajnuna militari lill-Gvern tal-President Ukren, Volodymyr Zelensky….Għajnuna ekwivalenti għal aktar minn 550 miljun ewro u li tinkludi numru ta’ sistemi missilistiċi ta’ preċiżjoni għolja tat-tip Himars.

L-Istati Uniti impenjat mas-17-il biljun dollaru f’appoġġ militari lil Kiev mindu l-qawwiet tal-President Putin invadew lill-Ukrajna fl-24 ta’ Frar.

U l-qawwiet Ukreni, illum, qegħdin jiksbu suċċessi militari notevoli għall-ispejjeż tar-Russi – grazzi mhux ftit għall-armamenti sofistikati li qed jirċievu mingħand il-Punent.

Dan waqt li l-Armati ta’ Zelensky qegħdin ikomplu bil-kisbiet sinifikanti fl-artijiet Ukreni tal-Grigal u n-Nofsinar, bit-truppi Ukreni jkomplu javvanzaw u jiksbu lura aktar zoni li sa ftit ilu kienu okkupati mill-militar tal-Kremlin.

Fl-aħħar sigħat komplew ir-rapporti inkoraġġanti għall-Ukreni minn diversi zoni tal-gwerra – bil-Gvern fi Kiev isostni li l-qawwiet tiegħu kienu qed javvanzaw fi tliet reġjuni tal-Ukrajna; f’dan il-każ Kherson, Kharkiv u Donetsk.

Tkellem ukoll il-President Zelensky li spjega li t-truppi tiegħu kienu qed jagħmlu progress rapidu f’dawn l-artijiet u b’mod partikulari f’Kherson . Dan fost indikazzjonijiet li Kherson kien qrib li jaqa’ mill-ġdid taħt il-kontroll tal-Ukreni meta t-truppi Russi  fl-inħawi spiċċaw diżorganizzati u demoralizzati wara l-aħħar disfatti militari.

L-istrateġisti lanqas mhuma qed ibassru żviluppi daqstant tajbin għall-militar tal-Kremlin fl-Ukrajna – bil-preżenza militari tar-Russi  max-xatt tax-Xmara Dnipro lejn il-Punent qed tidher dejjem aktar vulnerabbli.

L-iżviluppi anki qed ixejjnu d-dikjarazzjonijiet aggressivi ta’ Vladimir Putin li jiem ilu ffirma dokumenti  li ‘ikkonfermaw’ iż-żieda ta’ erba’ reġjuni Ukreni  — f’dan il-każ Kherson, Luhansk, Donetsk u  Zaporizhzhia — mal-artijiet tar-Russja.

F’dan il-każ, Putin – waqt ċerimonja speċjali – kien qal li dawn ir-reġjuni se jkunu tar-Russja għal  dejjem anki jekk l-ebda pajjiż tal-Punent mhu jirrikonoxxi dawk ir-reġjuni bħala Repubbliki ġodda taħt l-amministrazzjoni ta’ Moska. Il-Punent, fil-fatt, kompla jfisser dan il-pass minn Putin bħala wieħed illegali fost il-kundanna għall-Kremlin ‘talli qed jipprova jibdel il-mappa tal-Ewropa’.