Edukazzjoni Lokali

Il-PN isellem l-edukaturi u l-professjonisti fil-qasam edukattiv

Fil-Jum Internazzjonali li jfakkar lill-għalliema, il-Partit Nazzjonalista jsellem u jirringrazzja lill-edukaturi u l-professjonisti li qed jagħtu servizz fil-qasam edukattiv. 

Permezz ta’ stqarrija maħruġa mill-Kelliem għall-Edukazzjoni Justin Schembri ntqal li għall-Partit Nazzjonalista, l-edukatur huwa l-prijorità fit-tifsil politiku tiegħu, u matul is-snin eleva l-professjoni sabiex tirrifletti x-xogħol u l-impenn siewi li jsir fl-iskejjel għall-ġid tat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna. 

It-tema ta’ din is-sena, “It-trasformazzjoni tal-edukazzjoni tibda mill-għalliema” għandha titqies bħala opportunità sabiex il-pajjiż jiftakar fl-importanza kbira li għandhom l-edukaturi li qed jittrasformaw l-edukazzjoni fil-qalb, fir-ruħ u fil-moħħ. 

Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jibqa’ kommess li jiddefendi l-professjoni sabiex tkun rispettata dejjem aktar u fl-istess waqt ikompli jiġġieled favur il-kawża ta’ salarji u kundizzjonijiet adegwati għall-gradi kollha fis-settur. Jibqa’ wkoll impenjat sabiex it-trasformazzjoni tal-edukazzjoni lokali tkun waħda bbażata fuq l-iżvilupp tal-individwu sabiex kulħadd jilħaq il-potenzjal tiegħu, u hawn jagħraf li l-aġenti tal-bidla huma l-edukaturi. Dan, jemmen il-Partit Nazzjonalista, jista’ jsir biss jekk kemm-il darba nemmnu fl-edukaturi u nagħtuhom l-għodda biex jaqdfu ’l quddiem u jwessgħu l-limitazzjonijiet tas-settur. 

Quddiemu, il-Gvern għandu impenn li ma jistax jonqos minnu fi żmien fejn l-isfidi tal-edukaturi għandhom bżonn l-appoġġ, is-sostenn u l-involviment dirett fid-deċiżjonijiet li jittieħdu. Il-Partit Nazzjonalista jafferma li se jkompli jaħdem mill-Oppożizzjoni favur l-għalliema.