Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu ħadet deċizzjoni oħra fil-konfront tal-Gvern Malti fejn ordnat biex l-istat iħallas kumpens ta’ €140,000 fuq tliet każijiet separati…relatati ma’ kirjiet.
Fil-kawżi kollha, il-Qorti osservat li filwaqt li sabet ksur ta’ drittijiet u tat kumpens, il-Qorti Kostituzzjonali Maltija ma offrietx biżżejjed lis-sidien involuti.
Il-każijiet kienu jikkonċernaw proprjetajiet f’San Ġiljan, Tas-Sliema u Ħaż-Żebbug fejn is-sidien ġew affetwati minn deċizzjoni li laqtet lilhom biss. Dan ġara wara emendi li saru bil-liġi tal-kera tal-1979.
Il-Gvern Malti ġie imċanfar kemm-il darba talli kiser il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem permezz tal-liġijiet l-antiki tal-kera.
Fl-ewwel każ, il-familja Pace li kellha proprjetà fi Triq Wilġa soffriet inġustizzja fl-1980.
Il-Qorti Ewropea laqgħet l-argumenti tagħhom kontra l-€20,000 mogħtija mill-Qrati Maltin… kif ukoll il-fatt li ma kien hemm l-ebda ordni biex il-kerrejja jiġu żgumbrati. Il-kumpens infatti ġie miżjud għal €75,000 … u €1,100 biex jikkumpensaw l-ispejjeż.
Fit-tieni każ tagħha, il-qorti Ewropea kkunsidrat rikors ippreżentat mill-familja Grima fuq proprjetà fi Triq il-Knisja, f’Ħaż-Żebbuġ, li għaliha kienu qed jirċievu biss €212 fis-sena, abbażi tal-valur tas-suq fl-1914.
Il-Qorti Maltija kienet tat lis-sidien €35,000 f’kumpens iżda dan kien tnaqqas għal €15,000 fl-appell.
Fit-tielet u l-aħħar kawża, ippreżentata mill-familja Attard fuq proprjetà fi Triq Ġużè Ellul Mercer, f’Tas-Sliema, il-Qorti Ewropea laqgħet l-argumenti li d-dispożizzjonijiet tal-liġijiet tal-kera tal-1979 taw lill-kerrejja d-dritt li jżommu l-pussess tal-fond b’kirja, u imponiet fuqhom din id-deċizzjoni għal żmien indeterminat mingħajr fir-realtà irriflettiet kera ġusta u adegwata.
Il-Qorti Ewropea sabet li r-rimedju ma ndirizzax b’mod effettiv il-ksur u rduppjat il-kumpens oriġinali għal €40,000 b’rabta ma serq intenzjonat u €5,000 oħra b’rabta ma’ serq mhux intenzjonat. L-avukati Michael Camilleri, Edward Debono u Karl Micallef irrappreżentaw lit-tliet applikanti filwaqt li l-Avukat tal-Istat Chris Soler deher għall-Gvern Malti.
//= $special ?>