Lokali Parlament

Jeħtieġ appoġġ għas-sajjieda b’enfasi fuq dawk żgħażagħ

Toni Bezzina, PN

Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina appella fil-parlament biex ikun hemm iktar inizjattivi għas-sajjieda, b’enfasi qawwija fuq dawk żgħażagħ.

Toni Bezzina qal d-Direttur tas-Sajd issa se jkollu iktar poteri fosthom f’każi ta’ illegalitajiet u sostna li hu pożittiv li jitneħħa l-aspett kriminali. Hu appella biex ikun hemm ġustizzja u trasparenza fid-deċiżjonijiet; dan se jġib iktar skrutinju mill-poplu fuq l-operat tad-Direttur tas-Sajd.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li wasal iż-żmien li jkun hemm għajnuna lis-sajjeida żgħażagħ li jkunu se jidħlu f’dan is-settur. Hu rrifera għall-white paper li ppubblika l-gvern fl-aħħar ġranet u sostna li din tista’ twassal għal inizjattiva favur il-bdiewa żgħażagħ. Din l-għajnuna tista’ twassal iktar żgħażagħ jidħlu għal dan ix-xogħol.

Toni Bezzina kompla li għandu jsir ċensiment serju tas-sajjieda biex l-għajnuna li tingħata tkun iktar effettiva u tilħaq iktar sajjieda skont il-bżonnijiet tagħhom. Dan joħloq ukoll opportunitajiet ġodda għas-sajjieda. Wasal iż-żmien ukoll li jkun hawn faċilitajiet ta’ investiment b’impjant li jipproċessa l-ħut bħal ma jsir fit-tonn biex is-sajjieda jimmassimizzaw il-qligħ taħhom. Dan biex il-qligħ ma jkunx marbut mal-aspett staġonali iżda jkun wieħed fiss.