Lokali

“L-edukazzjoni hi l-għodda għas-suċċess” – Bernard Grech

Għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, l-edukazzjoni tibqa’ l-għodda li biha kull individwu jista’ jagħmel suċċess.

Hu stqarr dan fi tmiem żjara li għamel l-Erbgħa filgħodu fil-Junior College, hekk kif bħalissa għaddejja l-‘freshers week’.

Bernard Grech kien milqugħ minn diversi studenti fejn hu għaddielhom messaġġi ta’ kuraġġ għall-futur tagħhom. L-istudenti minn naħa tagħhom tkellmu dwar dak li qed jinkwetahom: il-problemi tat-traffiku, il-problemi tal-bini eżagerat, u anke l-isfidi ambjentali.

Bernard Grech żar ukoll il-canteen tal-Junior College fejn kompla jiltaqa’ m’aktar studenti li jkunu bejn lecture u oħra kif ukoll ħa ritratti ma’ diversi studenti.

Bernard Grech saħaq li l-investiment fl-edukazzjoni huwa importanti ħafna sabiex l-istudenti ikollhom fejn jimirħu. U l-Partit Nazzjonalista jemmen li l-edukazzjoni hija għodda neċessarja sabiex l-istudenti jagħmlu suċċess f’ħajjithom għaliex huma il-futur ta’ pajjiżna.

Din il-ġimgħa l-istituzzjonijiet post-sekondarji qed jorganizzaw il-‘freshers week’ għal dawk l-istudenti kollha li qed jagħmlu pass ieħor fl-edukazzjoni tagħhom. U matul dawn il-jiem, l-istudenti l-ġodda jkollhom l-opportunita’ jifhmu aħjar il-ħajja fuq il-kampus fejn ikunu se jqattgħu dawn is-snin li ġejjin.

Preżenti mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien hemm is-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino kif ukoll id-Deputati tal-Partit Nazzjonalista Justin Schembri u Bernice Bonello.