-Jerome Caruana Cilia, PN
Id-deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia qal fl-Aġġornament tal-parlament li klikka fil-Partit Laburista ħolqot negozjanti tat-tieni klassi.
Ftit tal-ġimgħat oħra se jkollna lill-Ministru tal-Finanzi li, bħal kull sena, se jaqra d-diskors tal-budget. Kif drajna, se jkun eżerċizzju primarjament ta’ marketing u propaganda favur il-Gvern Laburista.
Se nisimgħu ħafna affarijiet u se jkun hemm fejn naqblu għax aħna t-tajjeb ngħidulu tajjeb. Però żgur li mhu se nisimgħu xejn dwar dak li sejjer ħażin. Żgur li mhu se nisimgħu xejn dwar it-telqa f’ċertu oqsma… żgur li mhu se nisimgħu xejn dwar it-taxxa tal-korruzzjoni, it-taxxa tal-ħela u t-taxxa tat-tberbiq… minn flusna, minn flus il-poplu.
Mazzra ma għonq dawk iż-żgħażagħ li jridu jwettqu l-ħolm tagħhom u jibdew start-up u jgħidulhom li għalihom ma fadalx. Mazzra ma’ ghonq dawk il-ħaddiema li jaqilgħuha u jiekluha, il-ħaddiema li qed jiffaċċjaw sfidi kbar f’dawn iċ-ċirkostanzi… u li dan il-gvern abbandunhom.
Mazzra ma’ għonq is-self-employed u l-micro enterprises li jixtiequ jkabbru l-operat tagħhom u jsibu l-bibien magħluqa.
Għaliex diġà qed jinħass element ta’ apatija f’ċertu membri tal-Kabinett Laburista. Dan hu gvern illi elementi fi ħdanu rnexxielhom ikomplu jifirdu. Dawn l-elementi ħolqu l-firda fost in-negozjanti, fost l-imprendituri Maltin u Għawdxin. Dak l-imprenditur illi hu bieżel u ħawtiel. Dak l-imprenditur illi irriskja ħafna, ma waqafx jistinka biex ikompli jikber u jimrah.
Għax illum ġejna f’sitwazzjoni fejn in-negozjanti, l-imprendituri jgħidulek li lanqas biss se napplika għal dak it-tender, lanqas biss nitħajjar napplika għal dik il-biċċa xogħol. Meta tistaqsihom għaliex, fil-pront iwieġbu: għax diġà jafu min se jeħodha, diġà nafu min hu l-magħżul; tassew surreali. Ara f’liema livell waqajna, sitwazzjoni tal-biki!
Wasalna fi stat li anke n-negozjanti, il-businessman u naturalment anke l-businesswomen, qed jaqtgħu qalbhom mis-sistema. Hekk ġabitna dik il-klikka korrotta, dawk l-elementi ħżiena fi hdan il-Gvern Laburista.
Dawn huma dwk il-ftit fil-gvern li ħatfu kollox, il-ftit li jifilħu ħafna, dawk il-ftit li ma jista’ għalihom ħadd, dawk il-ftit li jħossuhom ‘il fuq mil-liġi. Il-ftit fi ħdan il-Gvern Laburista li ma waqfux jiffangaw minn flus il-poplu, minn flusna, minn ħalq uliedna. Dawk il-ftit fi ħdan il-Gvern Laburista li rnexxielhom joħolqu negozjanti tas-second class.
Jekk inti viċin hafna ta’ din il-klikka korrotta, li saħansitra anke lil Laburisti stess qed tibda iddejjaq issa. Jekk inti vicin hafna ta’ din il-klikka korrotta; li huma veru ftit dawk viċin tagħhom u kulħadd jaf min huma. Jekk inti viċin hafna ta’ din il-klikka korrotta tibqa’ tiekol u tiffanga. Jekk inti negozjant onest u ġenwin, għall-Gvern Laburista, għal din il-klikka korrotta li ma jista’ għaliha ħadd, inti businessman tas-second class, inti business woman tat-tieni klassi.
Meta titkellem ma’ dawk involuti fin-negozju, Maltin u Għawdxin tisma’ l-weġgħa tagħhom. Ma jridux il-politika tal-biża’, ma jridux il-politika tat-theddid, ma jridux il-politika ta’ qtigħ il-qalb imma jridu politika ġenwina.
Politika tal-verità; politika li tnaqqas il-burokrazija, politika li ma tharisx lejn l-uċuh, politika li ma tħarisx lejn kemm inti kapaċi xxaħħam imma lejn kemm int kapaċi toħlom; tħares lejn kemm int kapaċi twettaq u politika li tagħtik l-opportunità li tapplika u iva ghax ħaqqek, bi dritt, tirbaħ it-tender.
Dan il-pajjiz irridu nwassluh f’sitwazzjoni fejn nagħtu l-opporunità lil kulħadd u mhux diġa’ tkun taf min se jieħu d-direct order. Dan il-pajjiz irridu nwassluh f’sitwazzjoni fejn naghtu l-opporunita’ lil kulhadd u mhux lil dik il-klikka zghira vicin ta’ xi Ministru biss.
//= $special ?>