Lokali Qorti

Miċħuda talba biex Joseph u Michelle Muscat ikunu parti fil-każ ta’ Jonathan Ferris

Il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia ċaħdet talba mill-eks Prim Ministru Joseph Muscat u martu Michelle biex jiġu ammessi bħala parte civile f’kawża ta’ ġurament falz kontra l-eks kap tal-FIAU Jonathan Ferris. Il-każ ta’ xhieda falza kien ippreżentat kontra Ferris wara li kien sostna li identifika tranżazzjoni ta’ $600,000 minn Leyla Aliyeva, bint il-president tal-Ażerbajġan Ilham Alijev, lill-kumpanija tal-moda Buttardi bbażata fi New York, kumpanija proprjetà ta’ Michelle Buttigieg, ħabiba kbira ta’ Michelle. Muscat.

Ferris kien iddikjara li l-ħlas kien ġie ddikjarat bil-moħbi bħala self. F’Jannar tal-2021, il-qorti kienet irrevokat digriet li jippermetti lill-koppja Muscat jipparteċipaw fil-każ. Il-każ kien oriġinarjament ippjanat li jinstema’ mill-Maġistrat Joe Mifsud, li iżda, sussegwentement irrikuża ruħu minħabba kunflitt ta’ interess possibbli, ftit wara li kien ta d-dritt lill-koppja Muscat biex jipparteċipaw fil-proċeduri.

Ir-raġuni li ngħatat għar-rikuża kienet il-fatt li Mifsud qed jisma’ wkoll kawża separata li fiha l-whistleblower Maria Efimova hija mixlija li għamlet akkużi foloz dwar diversi uffiċjali tal-pulizija, fosthom Ferris. Fit-23 ta’ Novembru 2020, il-każ ġie assenjat lill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia.

Waqt li spjegat il-kunsiderazzjonijiet tagħha, il-Qorti qalet li l-prosekuzzjoni ma kellha l-ebda oġġezzjoni li l-koppja Muscat jiġu inklużi bħala parte civile, iżda d-difiża kienet opponiet it-talba. Il-koppja, permezz tal-avukat tagħhom Pawlu Lia, sostnew li nbdew proċeduri kontra Ferris wara ordnijiet mill-maġistrat inkwirenti fil-konklużjonijiet tiegħu għall-inkjesta Egrant.

Il-Qorti qalet li l-koppja Muscat ma spjegawx kif ix-xhieda, “jekk għas-saħħa tal-argument kienet falza”, tista’ timplikahom jew tikkawżalhom xi ħsara. Il-Qorti ordnat li l-każ jipproċedi skont il-liġi, u ġie differit għal Jannar. L-Avukat Jason Azzopardi qed jirrappreżenta lil Jonathan Ferris.