Minkejja it-talbiet ġenwini li saru mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti nhar it-Tnejn li għadda waqt il-ftuħ tas-sena Forensi, lanqas laħqet għaddiet ġimgħa li numru ta’ kawża kellhom jiġu differiti minħabba nuqqas ta’ “court assisstants”.
Fil-fatt wara l-appelli biex jimtlew numru ta’ vacancies fil-Qorti li huma ta’ importanza għax-xogħol li jagħmlu l-Maġistrati u l-Imħallfin, l-Maġistrat Astrid May Grima kellha tiddiferixxi xi kawżi minħabba dan in-nuqqas.
Is-sitwazzjoni nkwetanti kompliet l-Erbgħa meta għall-istess raġuni l-Maġistrati Lara Lanfranco u Monica Vella kellhom ukoll jiddiferixxu xi kawżi għall-istess raġuni.
Il-“court assistants’ huma ferm utli għall-Maġistrati peress li dawn iservu ta’ ‘back-up’ għad-deputati tal-ġudikanti. Il-“court assistants” skont il-liġi jridu jkunu preżenti meta jitressaq każ il-Qorti.
Diversi avukati ikkonfermawlna li ħafna mill-ġudikanti qed jaħdmu f’ambjent impossibbli u qed jinfurmaw lil dawk li jridu jattendu għal xi kawżi li se jkollhom jagħmlu dak li ma jixtiequx u jmexxu l-każ għal data oħra.
Il-Kamra tal-Avukati wkoll kienet infurmata dwar dan in-nuqqas li qed ikun ta’ inkonvenjent kbir kemm għal ġudikanti kif ukoll għal dawk involuti fil-każi.
Jidher li l-appelli biex jiġu ngaġġati aktar nies li hemm il-ħtieġa tagħhom fil-Qorti qed jaqgħu fuq widnejn torox.
Talbiet biex isir taħriġ għall-ħaddiema ilhom isiru, u dan sabiex ix-xogħol isir aħjar u fil-ħin mistħoqq.
//= $special ?>