Lokali Qorti

Tliet snin ħabs għal Ukren li kien jisraq biex imantni lil oħtu

Ukren ta’ 31 sena li kien ingħata sentenza sospiża wara li f’Awwissu li għadda kien seraq aktar minn elfejn ewro mill-kaxxa tad-donazzjonijiet tal-knisja ta’ Santa Tereża f’Birkirkara u jumjen wara kien reġa’ tressaq il-Qorti fuq serq ta’ karozza ġie kundannat tliet snin ħabs.

Ihor Cardaci ammetta l-akkużi kollha miġjubin kontrih li kienu jgħoddu għal 13-il waħda. Il-maġġoranza tal-akkużi huma marbuta ma’ serq fejn huwa qal lill-Qorti li kien jisraq biex imantni lil oħtu fl-Ukrajna. Huwa ammetta li f’Awwissu li għadda seraq karozza f’Birkirkara u prova jisraq oħra.

Ammetta wkoll li seraq diversi oġġetti u li għamel ħsara fuq karozza u li baqa’ dieħel bil-karozza f’bus stop f’San Pawl il-Baħar. Fortunatament fil-ħin tal-inċident ma kienx hemm nies jistennew tal-linja. Ir-raġel ammetta wkoll li għamel ħsara f’garaxx f’Birkirkara, li saq karozza b’mod perikoluż u li kien taħt l-influwenza tax-xorb mingħajr liċenzja tas-sewqan u mingħajr polza ta’ assigurazzjoni, li għex ħajja ta’ għażż u ta’ vagabundaġġ.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, għamlet diversi kunsiderazzjonijiet dwar is-sentenza fosthom li qieset li l-akkużat wera kooperazzjoni mal-awtoritajiet investigattivi u li rrikonoxxa li żbalja li dan kollu għamlu biex imantni lil oħtu fl-Ukrajna. 

Madankollu qieset ukoll li wettaq ir-reati jumejn biss wara li ngħata opportunità mill-Qorti permezz ta’ sentenza sospiża. Il-Maġistrat qalet li waqt li għandu bżonn l-għajnuna din għandha tingħata mhux a skapitu tal-komunità. Dwar l-attentat ta’ serqa ta’ karozza, il-Qorti nnotat li waqaf minn rajh u għalhekk ma laħaq għamel ebda att li jista’ jitqies bħala reat. Innotat ukoll li ma jistax jitqies bħala reċediv.

Il-Qorti wara li sabitu ħati fuq ammissjoni tiegħu stess, ikkundannatu 20 xahar ħabs u ma’ dawn żiedet is-16-il xahar ħabs tas-sentenza li kellu qabel. Huwa ġie ordnat ukoll iħallas €1,820 fi spejjeż u tpoġġa taħt ordni ta’ trattament għal sena biex jegħleb il-vizzju tax-xorb. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Christabelle Chetcuti.