Lokali

Illum qed isiru l-laqgħat ta’ Arraiolos f’pajjiżna bil-parteċipazzjoni ta’ 12-il President

12-il Kap ta’ Stat qed jiltaqgħu f’pajjiżna biex jiddiskutu numru ta’ temi waqt laqgħa tal-grupp Arraiolos. Għal din is-sena, il-President ta’ Malta, George Vella se jkun qed imexxi dawn il-laqgħat.

Il-laqgħa, li qed issir f’Dar il-Mediterran fil-Belt Valletta u li bdiet fil-11am, hi s-17-il laqgħa ta’ dan il-grupp. Din il-laqgħa, minkejja li m’għandiex aġenda fissa u ma tinħariġx dikjarazzjoni finali, hi ta’ importanza hekk kif tagħti spazju lill-Presidenti kollha biex b’mod liberu jitkelmu bejniethom.

Mal-President ta’ Malta George Vella se jingħaqdu l-Presidenti tal-Estonja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovakkja, is-Slovenja, u l-Ungerija.

Dan l-avveniment hu meqjus ta’ importanza kbira hekk kif diversi pajjiżi fl-Unjoni Ewropea jiddiskutu l-iktar temi kurrenti li qed jaffetwaw lid-dinja sabiex finalment ikolna għaqda bejn il-pajjiżi Ewropew.