Internazzjonali

Hong Kong se jagħti 500,000 biljett tal-ajru b’xejn

Hong Kong se jkun qed jagħti mal-500,000 biljett tal-ajru b’xejn bl-għan li jerġgħu jibdew jaraw l-istess ammont ta’ turisti li kellhom qabel il-pandemija.

Minkejja li l-pajjiż neħħa r-restrizzjonijiet kollha relatati mal-Covid fl-aħħar ġimgħat, kumpaniji tal-ajru qed isibu diffiċli li jerġgħu lura għal dak li kienu jafu qabel, bl-industrija tat-turiżmu fil-pajjiż għadha ferm lura.

Kien fid-dawl ta’ dan li l-pajjiż xtara l-eluf ta’ biljetti tal-ajru mingħand diversi kumpaniji, b’dawn se jkunu qed jitqassmu b’xejn is-sena d-dieħla għal dawk li jivvjaġġaw lejn il-pajjiż.

Sa ftit ġimgħat ilu, il-Gvern ta’ Hong Kong kien għadu qed jobbliga lil dawk li jaslu fil-belt biex joqgħodu fi kwarantina jew inkella jippreżentaw test negattiv tal-Covid qabel jitilgħu fuq titjira lejn Hong Kong.

Fl-ewwel tmien xhur ta’ din is-sena, Hong Kong laqgħet mal-184,000 viżitatur, tnaqqis sinifikanti meta wieħed jara li fl-2019 raw madwar 56 miljun persuna li żaru l-belt.