Enerġija Lokali

Il-Gvern mhux se jagħti rifużjoni ta’ dak li nsteraq fl-aħħar 8 snin – PN

Illum il-Ministru Miriam Dalli ikkonfermat żewġ affarijiet: dak li ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista, u ċioe li s-sistema tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma qiegħda tisraq lin-nies u hemm bżonn titranġa, u li n-nies mhux se jitħallsu lura ta’ dak li nsterqu fl-aħħar 8 snin.

Il-Partit Nazzjonalista insista li kif ikkonfermat il-Qorti f’Lulju li għadda, is-sistema li bdiet tintuża fl-2014 hija kontra l-liġi u tmur kontra l-avviż legali, il-liġi sussidjarja u d-direttivi Ewropej, proprju bil-kontra ta’ dak li qed tipprova tagħti x’tifhem il-Ministru. Tant hu hekk li l-Ministru ħabbret li s-sistema ġdida u korretta se tibda titħaddem qabel ma’ biss il-Ministru ppubblikat emendi għall-avviż legali fil-Parlament.

U anke li kieku nemmnu lill-Ministru li din l-“anomalija” ma kienux indunaw biha lura fl-2014, żgur li kienu indunaw biha fl-2018 meta l-Partit Nazzjonalista żvela x’kien qed jiġri u l-eks Prim Ministru Joseph Muscat stess, fuq l-istazzjon nazzjonali, ammetta li n-nies qed iħallsu żżejjed. Minkejja dan, il-Gvern Laburista baqa’ jirrifjuta li jikkoreġi din is-sistema għal erba’ snin sħaħ, u issa kkonferma li mhux se jagħti lura lin-nies dak li nsterqu fis-snin li għaddew.

Għalhekk l-unika għażla li baqagħlhom in-nies biex jieħdu lura dak li ħallsu żejjed fis-snin passati huwa li jingħaqdu fil-kawża kollettiva li nieda l-Partit Nazzjonalista, billi jirreġistraw id-dettalji tagħhom fuq kontijiet.com. Din hi l-unika triq li baqagħlu l-konsumatur biex issir ġustizzja miegħu.