Lokali

“Il-kumpens ta’ kważi €1,000,000 ordnat mill-Qorti għandu jitħallas mill-Partit Laburista u mhux mit-taxpayer Malti” – PN

Fid-dawl ta’ sentenza li ngħatat ilbieraħ mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali) fil-każ dwar il-każin tal-Partit Laburista f’Birżebbuġia, il-Partit Nazzjonalista jisħaq li l-kumpens ta’ kważi €1,000,000 ordnat mill-Qorti għandu jitħallas mill-Partit Laburista u mhux mit-taxpayer Malti. Dan qalu d-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina fi stqarrija maħruġa llum.

Huwa inaċċettabbli l-Partit Laburista seraq proprjetà privata u għamilha tiegħu għal aktar minn 40 sena bi ksur gravi tad-drittijiet ta’ ċittadini Maltin. Dan l-abbuż seħħ matul iż-żmien li l-Partit Laburista kien fil-Gvern u s’issa il-Partit Laburista għadu ma refax ir-responsabbilità għall-aġir abbużiv tiegħu.

Il-Partit Laburista għandu jassumi r-responsabbilità għall-abbuż li wettaq u jħallas il-kumpens ta’ kważi €1,000,000 minn butu u mhux jisraqhom mill-but tal-Maltin u l-Għawdxin.

It-taxpayer Malti għandu dritt li t-taxxi mħallsu minnu jintużaw b’mod responsabbli u mhux biex jagħmlu tajjeb għall-abbużli li wettaq għal għexieren ta’ snin il-Partit Laburista.

Jekk il-kumpens ta’ kważi €1,000,000 jitħallas mill-Gvern tkun qed issir inġustizzja oħra din id-darba mat-taxpayer Malti u Għawdxi. Il-ħlas tal-kumpens mill-Gvern ikun jammonta wkoll għal finanzjament illegali lill-Partit Laburista.