Lokali

In-negozji Maltin qed jibqgħu jaffaċjaw ir-riperkussjonijiet tal-bejgħ tal-passaporti

Jibqgħu jinħassu r-riperkussjonijiet tal-ħsara li għamel il-Partit Laburista kemm ilu fil-Gvern. Tant li n-negozji Maltin għadhom qed jesperjenzaw diffikultajiet kbar wara li pajjiżna kien spiċċa fil-grey lsit tal-FATF, anke jekk issa Malta rnexxilha toħroġ minnha. Riperkussjonijiet anke frott id-decizjoni ta’ Robert Abela li jzomm l-iskema tal-bejgh tal-passaporti.

Dan intqal fl-editorjal tat-Times of Malta wara li l-Kummissjoni Ewropea ħabbret li qed tfittex lil pajjiżna fil-Qorti Ewropea rigward l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti. Dan ghaliex l-Unjoni Ewropea qed tħares lejn din l-iskema tal-IIP bhala wahda li tbiegħ il-valuri Ewropej u qed takkuża lil Malta li kisret it-trattati – aktar u aktar minhabba l-fatt li l-biljunarji li jixtru l-passaport Malti mhux qed iżommu rabta ġenwina ma’ Malta.

Minkejja dawn id-dikjarazzjonijiet mill-għola istituzzjonijiet Ewropej, il-Gvern ta’ Robert Abela qed jibqa’ jinsisti li l-bejgħ tal-passaporti ma jiksirx il-liġijiet tal-Unjoni.

L-editorjal tat-Times jgħid din il-kwistjoni żgur mhux forsi qed tħalli effetti negattivi ferm fuq in-negozji Maltin, b’pajjiżna jibqa’ l-uniku stat membru tal-Unjoni Ewropea li jbiegħ il-passaporti b’dan il-mod.

Iżda l-Labour qed jibqa’ jdeffes rasu fir-ramel u jara biss il-flus li daħħal il-Gvern minn din l-iskema u ma jarax ukoll dak li qed jaffaċjaw ta’ kuljum in-negozji Maltin kaġun tal-azzjonijiet tal-Gvern Laburista.

Anzi, jekk int għandek negozju f’pajjiżna, il-Gvern Laburista daqslikieku qed jgħidlek li ftit wisq jimpurtah mid-diffultajiet li int għaddej minnhom, itemm jghid l-editur tat-Times.