Internazzjonali

Ir-Repubblika Ċeka: Lejn ordni ġdida Ewropea ‘mingħajr ir-Russja’

Il-mexxejja ta’ 44 pajjiż Ewropew fl-aħħar sigħat qed jiltaqgħu fl-ewwel summit tal-klabb ta’ pajjiżi fuq bażi politika. Intant, Josep Borrell, bħala l-Uffiċjal Ewlieni tal-Unjoni Ewropea b’responsabbiltà għall-Politika Barranija, tkellem fi Praga dwar il-ħtieġa għal ‘komunità politika Ewropea mingħajr ir-Russja ta’ Vladimir Putin’.

Ir-Renju Unit, minkejja li ma jiffurmax aktar parti mill-UE, mistenni jkun protagonista f’dan il-grupp li se jkun qed jiddiskuti l-affarijiet li jaffettwaw lill-kontinent kollu kif ukoll lill-Britanniċi. Fil-fatt, is-sehem tar-Renju Unit kapaċi jimmarka fażi ġdida fir-relazzjonjiet ta’ Londra mal-Ewropa.

Kien il-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, li insista għal komunità politika tal-Istati separata mill-UE. Madankollu, hemm xorta waħda element ta’ xettiċiżmu dwar kemm dan il-forum se jikseb ir-riżultati mixtieqa.

L-44 mexxejja preżenti għal-laqgħa inawgurali fi Praga għandhom l-enerġija, l-immigrazzjoni u s-sigurtà fuq l-aġenda, filwaqt li qed jiffukaw ukoll fuq il-gwerra li għaddejja bħalissa fl-Ukrajna. Min-naħa tiegħu, Borrell qal li dan is-summit, għalissa, għandu jitqies biss bħala skambju inizjali tal-ideat u l-fehmiet rispettivi.

Minbarra r-Renju Unit, diversi pajjiżi oħra li mhumiex membri tal-UE kienu wkoll rappreżentati fi Praga — fosthom l-Iżvizzera, it-Turkija, in-Norveġja, l-Iżlanda, il-Ġorġja, l-Ażerbajġan u l-Istati Balkani tal-Punent.