Mietu talanqas 40 persuna wara li raġel armat sa snienu daħal għall-għarrieda f’faċilità taċ-childcare u wettaq straġi sħiħa qabel qatel ruħu b’idejh.
L-attakk fil-provinċja ta’ Nong Bua Lamphu ixxokkja lill-pajjiż kollu, bil-Prim Ministru Tajlandiż Prayuth Chan-ocha jordna biex issir investigazzjoni immedjata filwaqt li wassal messaġġ ta’ kondoljanzi lill-qraba tal-vittmi.
Il-Prim Ministru ma żammx lura milli jikkundanna ‘dan l-attakk bla sens’, bl-esperti, bħalissa, jinsabu għaddejjin bil-fażi bikrija tal-inkjesta fuq il-post tar-reat.
L-awtoritajiet sal-aħħar sigħat ikkonfermaw talanqas 20 tfal fost il-mejtin, li jinkludu wkoll għalliema, u bl-iżgħar vittmi jkollhom biss sentejn. Fl-attakk kien hemm ukoll numru mhux determinat ta’ midruba li wkoll jinkludu t-tfal.
L-aggressur – identifikat bħala eks uffiċjal tal-pulizija u li kien jismu Panya Khamrab – kellu fuqu senter, pistola u sikkina fil-ħin meta wettaq l-attakk. L-indikazzjonijiet huma li r-raġel, li kien tkeċċa mill-mal-korp minħabba reati konnessi mad-droga, ikkommetta suwiċidju qabel setgħu jikkonfrontawh il-pulizija li kienu qed ifittxuh b’urġenza.
Bħalissa hemm numru kbir ta’ familji barra ċ-child care centre u li qed jistennew l-aħbar dwar iċ-ċkejknin li huma kienu wasslu fil-kumpless sa minuti biss qabel l-attakk.
Każi simili ta’ qtil tal-massa huma relattivament rari fit-Tajlandja. Madankollu hemm numru partikularment għoli ta’ armi tan-nar irreġistrati għand ir-residenti ta’ Nong Bua Lamphu.
Fl-aħħar sigħat numru ta’ mexxejja minn madwar id-dinja bagħtu l-messaġġi ta’ simpatija u kondoljanzi lill-famili tal-vittmi tal-attakk fuq in-nursery.
Fost l-ewwel mexxejja kien hemm il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Liz Truss, li esprimiet xokk qawwi dwar l-iżviluppi mdemmija fit-Tajlandja waqt li, f’isem pajjiżha, wiegħdet solidarjetà mal-poplu Tajlandiż f’dan iż-żmien diffiċli.
Il-Prim Ministru tal-Awstralja, Anthony Albanese, kiteb li impossibbli li wieħed jifhem dak li għaddejjin minnu l-qraba tal-vittmi waqt li bagħatilhom il-kondoljanzi ‘f’isem l-Awstraljani kollha’.
Qabel l-attakk, l-aggressur kien attenda għal smigħ fil-qorti biex iwieġeb għall-akkużi dwar is-sehem tiegħu fi traffikar tad-droga.
U fl-aħħar sigħat ukoll, il-pulizija rakkontaw l-aħħar ħinijiet tal-aggressur u qalu li r-raġel kien infexx f’rabja wara li wasal fin-nursery u sar jaf li t-tfajjel tiegħu ma kienx qiegħed hemm.
Hu, imbagħad, beda jispara bl-armi lejn kulmin inzerta quddiemu waqt li baqa’ dieħel bil-karozza għal fuq folla ta’ nies barra l-iskola. L-aggressur, imbagħad, mar lura d-dar fejn spiċċa joqtol lil martu u lil ibnu kiesaħ u biered.
Mhux eskluż li l-aggressur, dak il-ħin, kien taħt l-influwenza tad-droga, bl-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.
//= $special ?>

