Futbol Sport

Kampjonat BOV Premier: Jispikka l-konfront bejn ir-rivali Valletta u Ħamrun Spartans

Għada l-Ġimgħa jingħata bidu għas-sitt ġurnata tal-Kampjonat Premier fejn bla dubju li l-aktar konfront mistenni se jkun dak bejn ir-rivali Valletta u Ħamrun Spartans li se jkun qed jintlagħab is-Sibt fit-15:00 fl-Istadium Nazzjonali.

Valletta se jkunu ġejjin minn żewġ telfiet konsekuttivi kontra Floriana u Birkirkara rispettivament. Minbarra r-riżultat, fl-aħħar partita kontra Birkirkara, it-tim immexxi minn Thane Micallef ma’ kellux prestazzjoni mill-aqwa fejn għalkemm prova joħloq attakki lejn il-lasta Karkariża ma rnexxielux jippenetra d-difiża, mingħajr ma nnaqqsu mill-mertu tad-difensuri tal-Istripes. Ħamrun minn naħa tagħhom s’issa għandhom rekord perfett fil-Kampjonat b’ħames rebħiet minn daqstant partiti fejn fl-aħħar partita għelbu lil Floriana 2-0. Ħamrun, konxji li fuq il-karta huma aħjar mill-Beltin, se jkunu qed ifittxu rebħa oħra hekk kif huma baqgħu segwiti minn Birkirkara li bħalhom rebħu l-logħob kollu kif ukoll minn Gudja United li jinsabu warajhom b’żewġ punti biss inqas. Valletta żġur li jridu joqgħodu ferm attenti mill-veloċità tal-winger Brażiljan Jonny li jagħmel ħafna ħsara mal-linji kif ukoll jagħtu ftit li xejn spazju lill-midfielder Internazzjonali Malti Matthew Guillaumier li l-passes tiegħu jafu jkunu fatali.

Il-Ġimgħa tintlagħab logħba waħda fit-Tony Bezzina Stadium fejn iċ-Champions Hibernians jilqgħu fil-ground tagħhom lin-neo promossi Żebbuġ Rangers. Il-Pawlisti ġejjin minn rebħa ta’ 2-0 kontra Balzan, rebħa li tagħtom ftit tan-nifs u qalgħathom minn naħa t’isfel tal-klassifika. Protagonist bla dubju kien l-attakkant Jurgen Degabriele li skorja ż-żewġ gowls ta’ Hibs biex issa issa dan l-istaġun għandu 6 gowls, wieħed inqas mill-attakkant ta’ Gżira Jefferson de Assis. Minn naħa tagħhom Żebbuġ ta’ Brian Spiteri se jkunu ġejjin minn żewġ telfiet konsekuttivi kontra Gudja u fl-aħħar konfront kontra Marsaxlokk. Minn ħames partiti Żebbuġ tilfu erba’ u rebħu waħda kontra Santa Lucia.

Birkirkara, bħal Ħamrun jittamaw li ma jwaqqgħux punti fil-konfront li jmiss iżda quddiemhom se jsibu avversarju fil-forma u li s’issa ssorprenda bi kbir, Gudja United. Plejer li qed jispikka fl-iskwadra ta’ Birkirkara huwa l-winger Arġentin Enzo Cabrera li qed ikollu prestazzjonijiet mill-aqwa u huwa bla dubju wieħed mill-aqwa barranin li għandna f’pajjiżna dan l-istaġun. Gudja fl-aħħar logħba komplew fejn ħallew fil-partiti ta’ qabel u faċilment għelbu lil Santa Lucia 3-1. Wieħed irid jara kemm se jdum dan il-mument pożittiv ta’ Gudja hekk kif din se tkun l-aktar logħba diffiċli s’issa għalihom. Gudja United kontra Birkirkara se tintlagħab is-Sibt fil-17:15 fl-Istadium Nazzjonali.

Fit-Tony Bezzina Stadium is-Sibt fit-15:00 jkollna konfront minn naħa t’isfel tal-klassifika hekk kif Marsaxlokk jiltaqgħu kontra Santa Lucia. Ix-Xlukkajri fl-aħħar logħba kisbu l-ewwel rebħa tal-istaġun kontra Żebbuġ, rebħa li kien jistħoqilhom wara li fiż-żewġ konfronti ta’ qabel urew titjieb konsiderevoli għalkemm ma ħadux punti. Minn naħa l-oħra jidher li Santa Lucia se jkollhom biċċa xogħol iebsa mhux ħażin hekk kif wara ħames partiti għadhom qed ifittxu l-ewwel punti.

Fit-tieni partita tas-Sibt fit-Tony Bezzina Stadium Floriana jilgħabu kontra Mosta f’partita li tibda fil-17:15. Floriana s’issa kienu nieqsa mill-konsistenza fejn minn ħames logħbiet rebħu tnejn, tilfu tnejn u ġew draw waħda. L-aħħar konfront kien wieħed iebes kontra Ħamrun Spartans fejn ftit li xejn setgħu jagħmlu aktar hekk kif Ħamrun iddominaw għal ħinijiet twal. Floriana għandhom bżonn rebħa biex jibqgħu fl-ewwel nofs tal-klassifika. Mosta għandhom seba’ punti daqs Floriana u għalhekk rebħa wkoll tkun qed iżżomhom ‘il bogħod miż-żon l-ħamra għlkemm għadu kmieni fil-kampjonat.

L-ewwel logħba tal-Ħadd tkun dik bejn Sirens u Gżira United li tibda fit-15:00 fl-Istadium Nazzjonali. Sirens se jkunu qed ifittxu l-ewwel rebħa tal-istaġun, rebħa li tatihom ftit tan-nifs hekk kif huma għandhom biss tliet punti u jinsabu fil-11-il post daqs Żebbuġ. L-avversarju ta’ Sirens iżda huwa wieħed diffiċli hekk kif Gżira United huma meqjusa bħala wieħed mit-timijiet li se jkun qed jisfida minn tal-inqas għal post fil-kompetizzjonijiet Ewropej. Fl-aħħar logħba t-tim immexxi minn Daren Abdilla għeleb faċilment lil Pietà Hotspurs 4-0.

Il-partita li se tgħalaq is-sitt ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier se tkun dik bejn Pietà Hotspurs u Balzan li tibda fil-17:15 ukoll fl-Istadium Nazzjonali. Pietà, bħal Santa Lucia jidher li l-avventura tagħhom fl-għola diviżjoni se tkun waħda għat-tela hekk kif bħal Yellows ukoll jinsabu fl-aħħar post b’ħames telfiet fejn sofrew 18-il gowl u skorjaw biss darba. Minn naħa l-oħra Balzan jistgħu jgħidu li kellhom bidu sodisfaċenti fejn s’issa għandhom 9 punti li ġabuhom minn tliet rebħiet kontra Żebbuġ, Santa Lucia u Marsaxlokk. Fl-aħħar logħba huma sofrew telfa kontra Hibernians bl-iskor ta’ 2-0.