Lokali Qorti

Każ frodi ta’ €500,000 f’taparsi skemi tal ‘housing’ b’aktar minn 40 vittma jħallsu l-flus u jibqgħu b’xejn

Mara ta’ 42 sena residenti Santa Venera li kienet taħdem bħala fattiga u li ilha l-ħabs għal dawn l-aħħar seba’ xhur fejn inizzjalment kienet akkużata li ffrodat numru ta’ persuni fuq skemi tad-djar li ma jeżistux ingħatat il-pleġġ. Fil-bidu l-ammont iffrodat kien ta’ madwar kwart ta’ miljun ewro, iżda minn aktar investigazzjonijiet tal-Pulizija dan l-ammont tela’ għal madwar nofs miljun ewro.

Meta saru s-sottomissjonijiet għall-pleġġ, l-Avukat tagħha Franco Debono qal li din diġa’ ħallset lura aktar minn nofshom. Minn investigazzjonijiet li għamlet il-Pulizija Sarah Ann Gatt allegatament iffrodat mal-40 persuna u dan billi irnexxielha tikkonvinċihom li d-Dipartiment tal-housing ħareġ skemi ta’ postijiet tal-Gvern maqbuda mill-banek li kienu qegħdin jinbiegħu bi prezz ridott. Dokumenti li hija kienet tgħaddi lill-allegati vitmi kienu permezz ta’ karti bil-‘letterhead’ tad-Dipartiment tad-Djar.

Minn xhieda li taw erba’ persuni quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima xhud minnhom qalet li minbarra li kienet iffrodata fuq residenza, kienet iffrodata ammont ieħor billi l-akkużata wegħdita li kienet se timporta numru konsiderevoli ta’ logħob tal-play station, li dawn ma waslu qatt minkejja li kienet tagħta d-depożitu u l-vittma, li għandha ħanut kienet diġa bdiet tieħu numru ta’ ordnijiet mingħand il-klijenti fuq il-logħob tal-play station.

Qalet li l-akkużata wara kienet qaltilha li kienet iżomm dawn il-playstations f’garaxx fix-Xgħajra, u li kienu serquhomla. Meta x-xhud kienet staqsitha kif fuq il-media ma kienu rrappurtaw xejn li nsterqu daqstant playstation, l-akkużata kienet weġbitha billi qaltilha li kienet irranġat biex jibqa’ kollox mistur,

Din l-istess mara li tagħat ix-xhieda tagħha fil-Qorti qalet li mhux hi biss kienet iffrodata, iżda anke ommha u ħabib tagħha.  ll-persuni ffrodati kienu jgħaddu l-flus kontanti lil Gatt fejn skont ix-xhieda fil-Qorti hija ma kinitx taċċetta ċekkijiet jew ħlas mod ieħor għax kienet tgħid lin-nies li tal-housing jaċċettaw biss flus kontanti.

L-akkużata kienet tgħid li jisimha Sue Borg meta fir-realtà jisimha Sarah Ann Gatt. Hija wegħdet diversi postijiet tal-Gvern lix-xhud, ommha u l-ħabib tagħha u li dawn tawha  s-somma ta’ €73,000, wara li qaltilhom li kienet se tirranġalhom kollox hi.

L-akkużata kienet qaltilhom li kienet ħarġet skema tajba u ta’ darba milll-Gvern bi prezzijiet li wieħed m’għandux jitlef, u li hi għandha l-ħbieb fil-housing biex tmexxi l-affarijiet. Kollox jindika li l-ismijiet ta’ persuni li Gatt kienet tgħid li qegħdin jgħinuha minn naħa tal-housing ma jesiżtux. U li lanqas djar jew garraxxijiet li kienet issemmilhom ma jeżistu u li darba minnhom il-mara ffrodat lix-xhud femminili s-somma ta’ €3,500 għax qalet li kellha bżonnhom tant li mingħajrhom kienet se tikkommetti suwiċidju.

Tnejn mill-vittmi qalu fil-Qorti li meta kienu jippressawha biex huma jfittxu jieħu l-propjetà li ħallsu għaliha, kienet iġġib ħafna skużi bħal li missiera qed imur, jew adirittura miet, li għandha l-Covid u li għandha r-raġel ma jiflaħx. Fil-kumpilazzjoni ta’ Sarah Ann Gatt qed tiġi mixlija li ffrodat total ta’ madwar €500,000 mingħand tal-inqas 40 persuna bi skambju għal proprjetajiet ta’ djar tal-gvern bi prezz imraħħas li qatt ma mmaterjalizzaw.

Sadanittant fi tmiem l-ewwel seduta l-Qorti ddikjarat li hemm biżżejjed provi biex l-mara titqiegħed taħt atta ta’ akkuża. Gatt li qed twieġeb mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontriha, baqgħet arrestata wara li talba għall-pleġġ ġiet miċħuda mill-Qorti. Gatt qed tiġi mixlija bi frodi, misapproprjazzjoni, falsifikazzjoni ta’ dokumenti pubbliċi u privati, ksur tal-kundizzjonijiet ta’ sentenza sospiża u li hija reċidiva.

Isem falz

Ix-xhieda kollha qalu li kienu jafuha bħala Sue Borg u mhux Sarah Ann Gatt. Sadanittant tliet mill-erba’ xhieda għarfu lill-akkużata bħala l-persuna li kienu jinnegozzjaw magħha, iżda wieħed minnhom ma għarifhiex u qal li kull ma ltaqa’ magħhom kien darba f’ħanut ġewwa Ħal Balzan.

Fil-fatt saru numru ta’ laqgħat f’Ħal Balzan fejn skont ix-xhieda kienet tikkonvinċihom li għandha numru ta’ propjetatjiet f’idha madwar Malta u li dawn mhux ta’ min jitlifhom. Xhieda qalu li hija kienet tgħidilhom li għandha ħanut fi Triq Psaila Santa Venera, u li tbiegħ ħwejjeġ tad-ditta. Wara iżda qaltilhom ukoll li tmur tnaddaf il-flats, minkejja li vera rriżulta li kienet tkun f’dan il-ħanut u taħdem bħala fattiga.  

Sadanittant il-vittmi kienet tibgħatilhom ritratti tal-postijiet li kellha tirranġalhom biex jixtru, iżda qatt ma kienet teħodhom fil-post inniffsu. Meta kienu jgħidulha li marru huma biex jaraw fejn hija l-propjetà u ma sabu xejn, kienet tgħidilhom li dik kienet l-informazzjoni li kienet tingħata mill-housing.  

Xhud minnhom qal li kienet tagħtih irċevuti fuq il-ħlas li kien jagħtiha. Minbarra d-depożitu għall-propjetà, hija kienet titlobhom flus għal min suppost qed jirranġa dan kollu mill-housing u li l-flus kellha bżonnhom għat-tender,  paper work , ċens, u servizzi oħra.

Ix-xhieda qalu li kienu jikkomunikaw bil-messaġġi. L-ewwel xhud u l-unika waħda femminili qalet li seħibha li spiċċa ffrodat kien iħalli l-flus magħha u l-akkużata kienet tmur tiġborhom mingħandha.

Qalet li hija saret taf b’Gatt f’Novembru tal- 2020. Hi wara semmitilha il-propjetà fid-19 ta’ April 2021 Qalet li messaġġi permezz ta’ SMS’s u WhatsUp u li ppreżentahom fil-Qorti bħala dokumenti ta’ prova. Fil-fatt kull xhud ippreżenta għadd ta’ dokumenti, anke CD biex jagħtu lill-Qorti prova ta’ kif kienu jgħaddulha l-flus.

Xhud minnhom qal li huwa sar jaf li ġie ffrodat meta l-ħabiba ta’ ħuh qaltlu li tressqet mara l-Qorti u li din hija l-istess waħda li kienu tawha dawk l-eluf kollha biex jixtru l-propjeta. Ingħad ukoll li meta hija kienet tieħu l-flus kienet tgħid lill-vittmi li l-proċess jieħu mill-anqas sena u dan għax il-proċess tal-Gvern idum biex jiġi finaliżżat għax ukoll ikun irid isir il-ftehim mal-bank.

Dar bil-garaxxijiet fiż-Żejtun li ma teżistiex

Ix-xhud femminili qalet li meta marret tara d-dar li kienet se tixtri fejn tinsab ma sabet xejn. Ikkonfermat li  lanqas pjanti ma kien ikollha u dejjem tgħidilha li se tieħu kollox meta jmorru għand in-nutar. Wara li għadda ż-żmien ħafna mill-allegati vittmi mar jagħmlu rapport l-Għassa tal-Pulizija u li wara dawn spiċċaw jagħtu l-verżjoni tagħhom fl-uffiċċini tal-FIAU fil-Ħamrun.

Dawn qalu lill-Pulizija li wara li għadda ż-żmien kienu ċċekkjaw xi ismijiet li kienet tagħthom l-akkużata li jaħdmu l-housing biex ikellmuhom dwar l-iskemi, u skoprew li dawn ma jeżistux  L-ismijiet kienu Mr. T.  Farrugua, Miss Anne Falzon, Miss. G. Sammut, Miss A. Zerafa u Mrs. Nadine Camilleri.

Xhud ieħor li jaħdem ma’ kumpanija privata tal-microelectronics qal li ħabib tiegħu qallu li kellu ħabiba tiegħu li kienet iranġat fuq post  maqbud mill-bank, u staqsih jekk jitħajjarx jixtri wieħed. Hu kien qallu li ma jistax minħabba li kellu loan mill-bank u kien baqalu xi 10 xhur biex iħallsu. Meta ħallas il-loan kellmu u staqsieh hemm għad hemmx ċans li jirranġalu. Sieħbu qallu li kien se jkellem lil waħda li jisimha Sue.

Din ċemplitlu u qaltlu li kien hemm post bi prezz tajjeb iż-Żurrieq li jiswa’ biss €64,000 u li ried jagħtiha €15,000 bħala depożitu. Talbitu wkoll flus għan-nutar u t-taxxa tal-propjetà. Kienet qaltlu wkoll li wara jrid jidħol fi skema tal-bank li bi ftehim mal-housing l-interessi huma baxxi.

Ix-xhud qal li fuq din l-iskema kien ċempel lil ħuħ u lil xi ħadd ieħor u din l-iskema għoġbithom. Meta ltaqa’ mal-akkużata Ħal Balzan qal li baqa’ ma għarafx fl-awla qal li kien hemm persuna oħra fuq xin post f’Ħal Kirkop. Tenna li kienet ċemplitlu jumejn wara u qaltlu jekk jitħajjarx li minflok il-maisonette jixtrix dar fuq u isfel u dan għal €60,000. Huwa aċċetta għax qal li aktar jaqbillu li b’€15,000 ikollu dar u mhux terran.

Huwa qal li kienet tagħtu dokument bil-letterhead tal-housing u miktuba bil-biro iffirmata minn ċerta ND Caruana, suppost uffiċjal tal-housing. Il-Qorti staqsiet lix-xhud jekk rajhiex stramba li dokument minn awtorità jkun miktub bil-biro. Ix-xhud qal li le. Mistoqsi fuq din MD Caruana, qal li din jisimha Nadia.

Dan skont kif kienet tgħidlu l-akkużata. Tenna li kienet iċempillu din Nadia jew minn numru tal-mobile, li huwa għadda lill-Qorti, inkella minn numru privat. Huwa qal li sar jaf li ġie ffrodat minħabba li ħabib tiegħu bagħtlu link fuq il-mobile fuq rapport tal-ġurnal Malta Today, meta ressqu lilll-akkużata u dan qallu – din mhux tagħkom hux?

Wara xehed allegat vittma ieħor li jaħdem bħala Gwardjan il-ħabs. Tenna li lil Sarah Ann Gatt issa jafha mill-ħabs. Qal li kollox beda meta ħabiba ta’ sieħbu qaltlu bl-iskema u li wara kommunikazzjoni ltaqa’ magħha Ħal Balzan. Qal li għal residenza huwa l-ewwel ta’ €3,500 u wara l-kumplament li jiġu b’kollox €64,000 u li l-post kien Ħal Kirkop għax hu hemm xtaq.

Qal li din Nadia kienu tibgħatli l-messaġġi fuq il-mobile u rċevuti tal-ħlas fuq whatts up. Tenna li l-post li wegħditu kien fi Triq Dun Karlu Darmanin. Qal li darba huwa ċempel lil Nadia għal xi nformazzjoni u din irrisponditu b’Sarah, qaltlu hello Sarah jien.

Tingħata l-pleġġ fuq diversi kundizzjonijiet

Il-Qorti fl-aħħar semgħet is-sottomissjonijiet għat-talba tal-pleġġ li saret mill-Avukat Franco Debono u Marion Camilleri, talba li kienet oġġezzjonata bil-qawwa kollha mill-Avukat Ġenerali u dan minħabba l-biża ta’ kontaminazzjoni tal-provi minħabba li għad hemm mal-40 xhud ieħor pajżana, li huma allegati vittmi biex jixhdu.

L-Avukat Franco Debono qal li jekk se nistennew lil dawn ix-xhieda kollha jixhdu, allura min jaf meta l-akkużata se jkollu d-dritt li huwa tagħha għall-ħelsien mill-arrest.

Huwa semma każ taż ċertu Gordon Debono li dan ingħata l-pleġġ mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech meta kienu għadhom għaddejjin l-investigazzjoni u li kien għad baqa’ x-xhieda, bil-Qorti tgħid li mhux argument li persuna tinżamm arrestata għax baqa’ min jixhed.

L-Avukat Debono qal ukoll li l-akkużata diġa’ ħallset madwar €300,000 mill-flus allegatament iffrodati u li jekk din tibqa’ l-ħabs żgur li ma tkunx tista’ tħallas aktar. Tenna li naħseb li l-allegati vittmi jippreferu jitħallsu milli jarawha l-ħabs.

Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €20,000 u garanzija personali ta’ €30,000, li tiffirma kuljum bejn is-6.00am. u s-6.00pm fl-Għassa tal-Pulizija tal-Ħamrun, li ma toħroġx qabel is-6.00 am u tkun id-dar fis-7.00pm, li ma tkellem lil ħadd li huwa relatat ma’ dan il-każ u dan b’kull mod, lanqas b’messaġġi għax inkella terġa’ tiġi arrestata u titlef is-somma ta’ €50,000 li jgħaddu favur il-Gvern.

L-Ispetturi Shaun Friggieri and Ritianne Gauci qed imexxu l-prosekuzzjoni, assistiti mill-Avukat Andrea Zammit mill-Uffiċċju tal-AĠ. Għal Sarah Ann Gatt qed jidhru l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri.