Lokali

L-issikkar taċ-ċintorin minn naħa tal-Gvern mhux suġġett ta’ importanza għal Fearne

L-istqarrija dwar l-issikkar taċ-ċintorin fl-infiq minn naħa tal-Gvern qajmet agħa sħiħ. Kwistjoni li qed tinkwieta lil ħafna iżda għall-Ministru Chris Fearne din mhix suġġett ta’ importanza.

Fil-fatt, meta ġie mistoqsi minn Net News jekk hux qed jistenna tnaqqis fil-budget għall-Ministeru tas-Saħħa, Fearne qal biss li l-budget se jkun wieħed adekwat iżda qatt ma ta assigurazzjoni li proġetti proposti mhux se jiġu milquta minn dan it-tnaqqis fil-fondi.

U wara jiem jaħrab mill-mistoqsijiet tal-ġurnalisti rigward l-proġett tal-flyovers tal-Marsa, id-Deputat Prim Ministru issa qed jghid li l-Gvern ma jaf b’xejn dwar l-allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni, u l-fatt li n-negozjant Yorgen Fenech kien se jdahhal żewġ miljun ewro minn dan il-proġett maġġuri.

Fearne ġie mistoqsi wkoll rigward l-Ministru jew Ministri nvoluti fl-iskandlu tat-testijiet tal-karozzi; iżda għażel li kompletament jinjora din il-mistoqsija.

Net News prova javviċina lill-Ministru biex jerġa’ jsaqsih din id-domanda li ħarab minnha, iżda eżatt fi tmiem il-konferenza, hu telaq il-barra mill-bieb ta’ wara, bit-tim tiegħu jgħidulna li l-mistoqsijiet jittieħdu biss waqt il-konferenza.