Internazzjonali

L-Ukrajna: Vladimir Putin ‘jikkonkludi’ l-ħtif tal-erba’ reġjuni

Il-President tar-Russja, Vladimir Putin, iffirma l-aħħar dokumenti li jiddikjaraw erba’ reġjuni tal-Ukrajna bħala territorji ta’ pajjiżu.

Hu għamel dan wara referendum kontroversjali u li kien ukoll immanipulat –bil-Kremlin ta’ Moska, fl-aħħar jiem, jisħaq li ‘il fuq minn 90 fil-mija tar-residenti fir-reġjuni ‘għażlu’ li jgħixu taħt is-sovranità Russa.

Id-dokumenti ffirmati minn Putin qed jgħidu li r-reġjuni ta’  Luhansk, Donetsk, Zaporizhzhia u Kherson huma ‘aċċettati bħala parti mill-Federazzjoni Russa’. Dan meta Putin anki ffirma digriet biex jifformalizza l-ħtif tal-faċilità nukleari ta’ Zaporizhzhia mill-qawwiet tiegħu.

Il-President Russu, bħallum ġimgħa, kien iffirma ftehim mal-mexxejja tar-reġjuni inkwistjoni u meta l-Punent fisser ir-referendum bħala eżerċizzju finta u qarrieqi.

Iżda waqt li Moska qed tiċċelebra ‘iż-żieda tal-artijiet’, il-qawwiet tal-Ukrajna qed ikomplu jaħtfu lura territorji ta’ pajjiżhom li kienu okkupati mir-Russi. Dan waqt li numru ta’ villaġġi f’Luhansk u Kherson spiċċaw mill-ġdid f’idejn it-truppi tal-President Ukren, Volodymyr Zelensky.

Hu minnu wkoll li l-militar ta’ Zelensky qed jagħmel anki kisbiet fiz-zoni Ukreni tal-lvant u n-nofsinar, fost rapporti li l-qawwiet Ukreni ħadu lura l-kontroll f’sitt villaġġi fir-reġjun ta’ Luhansk.

Dan qabel il-konferma li l-Ukreni lliberaw tliet villaġġi oħra fir-reġjun ta’ Kherson, fin-nofsinar tal-Ukrajna – u bil-militar ta’ Zelensky anki qed jikkonsolida postu fl-inħawi ta’ Kherson li kienu waqgħu f’idejh mill-ġdid.

Fi żviluppi oħra, numru ta’ bini residenzjali ntlaqtu mill-missili fost rapporti dwar diversi vittmi fl-inħawi. L-isparatura saret fil-belt ta’ Zaporizhzhia u bħalissa għaddejja tfittxija għan-nies irrappurtati neqsin fiz-zona tal-attakk. L-azzjoni seħħet minkejja l-kumment ta’ Vladimir Putin fis-sens li s-sitwazzjoni kienet se ‘tistabbilizza’ f’din il-belt u fl-ibliet Ukreni oħra maħtufin mill-Kremlin.