Lokali Qorti

Marcus Galdes weħel kemm il-darba mit-test tat-teorija għal liċenzja tal-vettura

Marcus Galdes għamel numru ġmielu ta’ testijiet tat-teorija għal liċenzja tal-vettura u peress li ma kienx jgħaddi kien ikollu jerġa’ joqgħod għall-eżami. Fil-fatt huwa dam jirrepeti l-eżamijiet bejn l-2018 u l-2022. Dan sar fuq diversi vetturi li jinkludu trakkijiet u karozzi tal-linja.

Dan ħareġ meta kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Maria Assunta Camilleri ta’ 36 sena, li qed twieġeb mhux ħatja li għamlet influwenza kif ukoll tixħim fuq uffiċjal pubbliku. Fl-aħħar seduta kien ħareġ li Camilleri kienet qalet lill-Pulizija li lil Clint Mansueto, id-Direttur ta’ Transport Malta kienet tagħtih 50 ewro kull darba biex iħaffilha l-proċess għan neputi tagħha Marcus Galdes u mhux biex jgħaddih mill-eżami tal-liċenzja,

Maria Assunta Camilleri residenti Ħaż-Żebbuġ kien qalet ukoll lill-Pulizija meta nterrogawha li l-flus kienet tagħtiomlu minn jedda u mhux għax kien jitlobomlha hu. Waqt li kienet qed tinvestiga lil Mansueto, il-pulizija kienu sabu messaġġi mingħand Camilleri dwar in-neputi tagħha, Galdes, meta kien se jerġa’ jagħmel it-test tas-sewqan tiegħu.

Il-Pulizija iżda hija tal-fehma li l-mara allegatament bagħtet sms lil Mansueto u offrietlu flus biex Galdes jgħaddi mit-test tiegħu. L-investigazzjoni bdiet fl-aħħar tas-sena, bil-proċeduri fil-Qorti qed jinstemgħu mill-Maġistrat Gabriella Vella.

Il-Ħamis xehed Pierre Montebello, Chief Officer tal-Land Transport Directorate. Huwa qal li Clint Mansueto kien Direttur TTU Testing Unit filwaqt li Raul Antonio Azzopardi kien jaħdem bħala skrivan ma’ Transport Malta. Huwa kien jieħu ħsieb it-testijiet, anke dawm tat-teorija, anke jekk din kienet immexxija minn partijiet terzi. Huwa qal li Marcus Galdes qagħad diversi drabi għall-eżami imma kien jeħel.

Fil-proċeduri preċedenti rriżulta wkoll li Maria Assunta Camilleri kienet ilha tibgħat messaġġi lil Mansueto mid-19 ta’ Awwissu 2021, u komplew jitkellmu bil-mobile sa Frar 2022. F’wieħed minn dawk il-messaġġi, hija qaltlu li se tħallsu €50, liema pagamenti baqgħu għaddejjin. Mansueto kien infurmat dwar l-eżami tat-teorija tas-sewqan ta’ Galdes miz-zija tiegħu f’wieħed minn dawk il-messaġġi.

Hija kienet qalet lill-Pulizja li ftit tal-jiem wara Marcus Galdes mar għall-eżami u għadda. Fil-mobile ta’ Mansueto sabu messaġġ fejn hija staqsietu jekk l-envelope li kienet bagħtitlu kienx wasallu. Meta mistoqsija dwar l-envelope, qalet li ma tiftakar xejn. Mill-mobile ta’ Mansueto kien hemm chats oħra.

Clint Mansueto, Raul Antonio Pace u Philip Edrick Zammit qegħdin jiġu proċessati f’Qorti oħra fuq akkużi simili u li lkoll bħal Camilleri qegħadin iwiegbu mhux hatja.  Għal Maria Assunta Camilleri dehru l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Wayne Borg u l-Avukati Gary Cauchi u Abigail Caruana Galea mill-uffiċċju tal-AĠ.