Il-Kap tal-PN iżur il-Kampus Universitarju fi Fresher’s Week
L-edukazzjoni ta’ uliedna għandha tkun il-prijorità ta’ kull min imexxi l-pajjiż. Għandna bżonn mhux biss ninvestu ekonomikament iżda anke fil-valuri… sabiex inkunu qed ninvestu bi sħiħ fis-soċjetà ta’ għada.
Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta il-Ħamis filgħodu żar il-Kampus tal-Università ta’ Malta fl-ewwel ġimgħa tas-sena akkademika fejn il-Lecture Rooms jilqgħu lura l-eluf ta’ studenti – kollha bl-ambizzjonijiet tagħhom.
“Aħna naraw li l-istudent huwa dak it-tafal li jista’ jkompli jiżviluppa, u jkun persuna kreattiva kif ukoll li jkun jaf jikkritika, janalizza u jifhem. Dan bil-għan li dan il-pajjiż ikollu aktar ċittadini ta’ suċċess.”
Bernard Grech sostna li hija xi ħaġa mill-isbaħ li wara aktar minn sentejn ta’ pandemija mimlija sagrifiċċji, l-istudenti reġgħu lura għal ħajja normali bl-opportunità li jkunu jistgħu iwettqu l-ħolm tagħhom f’din il-ħajja Universitarja.
“Jistgħu jaraw l-opportunitajiet ta’ xogħol, l-opportunitajiet ta’ ħidma volontarja, l-opportunitajiet ta’ formazzjoni li aħna nisħqu li kull ċittadin Malti u Għawdxi, partikolarment l-istudenti tagħna ikomplu jikbru u jiżviluppaw u jwettqu l-ħolm tagħhom.”
Huwa saħaq li għall-Partit Nazzjonalista ż-żgħażagħ huma prijorità u insista dwar l-importanza li jkomplu jimirħu fl-istudji tagħhom anke lil’hinn minn pajjiżna bil-għan li għada pit’għada l-gżejjer Maltin ikompli jkollu l-aqwa professjonisti.
Akkumpanjat mid-Deputati Nazzjonalisti Justin Schembri u Bernice Bonello, kif ukoll mis-Segretarju Ġenerali tal-PN, Michael Piccinino, Bernard Grech żar lil diversi għaqdiet Universitarji kif ukoll tkellem ma’ bosta studenti.
U filwaqt li rringrazzjawh tal-ħidma tiegħu, uħud esprimew it-tħassib tagħhom ghall-fatt li l-Gvern – l-ewwel ħaġa li qata’ minn nefqa tiegħu – kien l-investiment fl-Universita’.
Bernard Grech temm jgħid li kwalunkwe investiment fl-edukazzjoni tal-istudenti qatt ma huwa biżżejjed u li mhux talli hemm bżonn li dan l-investiment ma jitnaqqasx, iżda insista li għandu bżonn jiżdied kull sena.
“Għandek kemm għandek ideat, għandek kemm għandek impenn, għandek kemm għandek inizjattiva hemm bżonn il-flus biex permezz tagħhom, investiti kif suppost u fejn suppost, ikunu jistgħu jiżdiedu l-opportunitajiet. L-investiment fl-edukazzjoni jeħtieġ li mhux talli ma jitnaqqasx talli jiżdied kull sena.”
//= $special ?>