Fl-Isptar Mater Dei hemm stennija li jiżdiedu l-pazjenti li fil-ġimgħat li ġejjin jiġu rikoverati minħabba l-istaġun tal-influwenza. Dan qalu l-Ministru tas-Saħħa f’konferenza tal-aħbarijiet.
“Qed nistennew li diversi każijiet ta’ influwenza jispiċċaw l-isptar”, stqarr il-Ministru Chris Fearne, filwaqt li appella għat-tilqima kontra l-influwenza.
Fearne qal li din hi tilqima li tolqot anke l-H3N2 li huwa l-aktar strain li mistenni jkun predominanti.
It-tilqim, li hu mingħajr ħlas, se jibda jingħata mis-17 ta’ Ottubru li ġej. Għat-tfal, hemm ukoll possibbiltà li tingħata t-tilqima f’forma ta’ spray.
Il-Professur Charmaine Gauci minn naħa tagħha qalet li l-vaċċin tal-influwenza hi essenzjali għall-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, għat-tfal, għall-anzjani u anke għal nisa tqal.
Is-sitwazzjoni tal-Coronavirus
Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, Chris Fearne qal li l-Covid m’għadux pandemija, imma saret sitwazzjoni endemika.
“Il-Covid se tibqa’ magħna, u tidher li se tkun staġjonali. U se jkun hemm xi żidiet fil-każijiet. Għalkemm m’hemmx bżonn miżuri ta’ mitigazzjoni”, stqarr Fearne.
U insista li t-tilqima tal-Covid huwa rakkomandat li tittieħed darba fis-sena.
It-tilqima l-ġdida ta’ kontra l-Omicron se tingħata fl-istess waqt li tkun qed tiġi offruta t-tilqima kontra l-influwenza. Dan ukoll isir mingħajr ħlas.
Iż-żewġ vaċċini se jingħataw separatament, u mhux f’waħda – u allura se jingħataw tilqima f’kull id.
Il-Prof Gauci kkonfermat li preżentament m’hemm ebda persuna fl-ITU kaġun tal-Covid-19. U bħalissa, ir-rata ta’ pożittività hi ta’ 4%.
//= $special ?>