Wara telfa ta’ 4-1 f’darhom kontra B. Dortmund, Sevilla keċċew lil coach Julen Lopetegui biex b’hemm tintemm l-avventura tal-eks coach tat-tim Nazzjonali Spanjol wara tliet snin fit-tmexxija. B’din it-telfa fi Grupp G Sevilla għandhom biss punt minn tliet logħbiet filwaqt li fil-La Liga jinsabu fis-17-il post minn b’5 punti minn seba’ partiti.
Fi stqarrija l-klabb Spanjol qal li Lopetegui temm era ta’ tliet snin ta’ suċċess ma’ Sevilla fejn fihom intlaħqu l-objettivi kollha tat-tim iżda fir-raba’ staġun ir-riżultati ma’ ġewx u minn possibiltà ta’ 21 punt it-tim 7 biss.
L-istqarrija tkompli tgħis li Julen Lopetegui jibqa’ fil-quċċata tal-istorja ta’ Sevilla għar-rebħ tas-sitt Europa League fl-istorja fl-istaġun 2019/20.
Minn naħa tiegħu Lopetegui qal li jħossu grat lejn il-klabb u s-supporters għat-tliet staġuni mill-isbaħ li qatta fit-tmexxija tat-tim. Huwa esprima wkoll id-dieqa u d-diżappunt li se jkollu jħalli tim li jħobb immens u li bla dubju se jibqa’ f’qalbu għal dejjem.
Rapporti fil-midja Spanjoli qed jgħidu li Jorge Sampaoli se jkun qed jieħu post Lopetegui fit-tmexxija ta’ Seville. Sampaoli mexxa lil Sevilla fl-istaġun 2016/17.
Minn naħa l-oħra Julen Lopetegui diġa beda jissemma li possibilment jinħatar coach ta’ Wolves wara li nhar it-tnejn huma wkoll keċċew lil kowċ Bruno Lage.
//= $special ?>