Lokali Turiżmu

“Il-legal notice tal-mużika fil-Belt qed toħloq inkonvenjent kbir u qed tagħmel ħsara lit-turiżmu”

“Il-liġi tal-mużika sa filgħodu kmieni qed toħloq inkonvenjent kbir”

Hekk sostna Andrew Agius Muscat il-Kap Eżekuttiv tal-MHRA f’kummenti lil Net News wara li l-assoċjazzjoni tal-lukandi u r-ristoranti  kellha laqgħa mal-Kap tal-PN Bernard Grech, akkumpanjant mill-Kelliem għat-Turiżmu Robert Arrigo u kif ukoll id-Deputati tal-Ewwel Distrett Mario Demarco, Darren Carabott u Paula Mifsud Bonnici.

L-Assoċjazzjoni li tirrappreżenta lir-ristoranti u l-lukandi qalet li filwaqt li tissapportja l-kunċett ta’ attività kummerċjali fil-Belt, il-mod kif dan qed iseħħ qed jissarraf fi ħsara kbira fejn jidħol it-turiżmu.

Min-naħa tiegħu l-Kap tal-PN Bernard Grech qal li l-lukandiera u r-ristoranti fil-Belt għandhom ikunu mħarsa u kien il-PN li preżenta mozzjoni fil-Parlament biex il-mużika sas-siegħa ta’ filgħodu titwaqqaf.

Tul il-laqgħa kemm l-PN u kif ukoll l-MHRA tkellmu dwar pjan ħolistiku għall-Kapitali li jissodisfa lill-komunità kummerċjali kif ukoll lir-residenti tal-Belt Valletta.