Internazzjonali

In-Norveġja: Attivisti favur id-drittijiet umani rikoxxuti bil-Premju Nobel għall-Paċi

L-attivisti favur id-drittijiet umani fl-Ukrajna, ir-Russja u l-Belarus huma r-rebbieħa tal-Premju Nobel għall-Paċi ta’ din is-sena….Premju sinifikanti u prestiġjuż li ilu s-snin jingħata lin-nies li, bl-isforzi tagħhom, għenu jinfluwenzaw għall-aħjar is-sitwazzjonijiet fuq bażi domestika u internazzjonali.

L-unur jingħata wkoll lill-persuni li stinkaw tul ħajjithom biex jibbenefikaw lill-umanità f’ċirkustanzi diffiċli u perikolużi.

Intant, il-Kumitat tan-Nobel f’Oslo, fin-Norveġja, qal, waqt konferenza tal-aħbarijiet, li l-attivisti qed ikunu rikonoxxuti ‘għall-impenn straordinarju tagħhom biex jiddokumentaw ir-reati tal-gwerra, l-abbużi tad-drittijiet umani u l-abbuż tal-poter’ fl-isfond tal-gwerra li għaddejja bħalissa fl-Ukrajna.

Wieħed mir-riċipjenti hu Ales Blallatski li qed ikun onorat bħala avukat favur id-drittijiet umani fil-Belarus u li bħalissa qed jinżamm taħt arrest, f’Minsk.

Il-mara tiegħu, Natallia Pinchuk, ikkummentat li ‘qed iħossha ferm kommossa li żewġha kellu jingħata dan l-unur waqt li rringrazzjat lill-Kumitat tan-Nobel u lill-komunità internazzjonali talli rikonoxxew il-ħidma ta’ żewġha., il-kollegi tiegħu  u l-organizzazzjoni li hu membru tagħha.

Ir-rebbieħa l-oħrajn tan-Nobel huma l-organizzazzjoni Russa favur id-drittijiet umani bl-isem Memorial u l-organizzazzjoni Ukrena favur id-drittijiet tal-bniedem bl-isem Ċentru għal-Libertajiet Ċivili (CGS).

L-organizzazzjoni Memorial, li spiċċat magħluqa aktar kmieni fis-sena, kienet qed taħdem biex iżżomm ħajja l-memorja tal-miljuni tan-nies innoċenti li nqatlu jew batew il-priġunerija u forom oħra ta’ persekuzzjoni waqt l-era tal-Unjoni Sovejtika komunista..

U s-CGS, li twaqqaf fl-2007, qed jissorvelja l-persekuzzjoni politika li għaddejja bħalissa fil-Krimea okkupata mir-Russi filwaqt li anki qed jiddokumenta r-reati tal-gwerra wara l-invażjoni tal-artijiet Ukreni mill-qawwiet ta’ Vladimir Putin.

,L-eks rebbieħa tal-midalja tan-Nobel (għall-Paċi) jinkludu l-eks President Amerikan Barack Obama,  li ngħata l-unur fl-2009 u t-tfajla Afgana Malala Yousafzai li kienet qasmet il-premju ma’ ħaddieħor fl-2014.

Il-Premju Nobel, introdott għexieren ta’ snin ilu minn Alfred Nobel, jaħseb biex jippromwovi l-paċi u l-fraternità bejn il-pajjiżi u Berit Reiss-Andersen, bħala kelliema għall-Kumitat f’Oslo, qalet li r-rebbieħa tal-premju ta’ din is-sena huma rappreżentanti denji tal-isforzi lejn id-demokrazija, il-ħarsien tad-drittijiet umani u l-impenn għall-koeżistenza paċifika bejn l-Ukrajna, ir-Russja u l-Belarus.