Lokali

“L-ekonomija għandha tolqot tajjeb lil kulħadd” – Bernard Grech

“Irridu naħdmu biex l-ekonomija ta’ pajjiżna tolqot tajjeb lil kulħadd.”

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech wara ż-żjara li għamel il-Ġimgħa fil-Belt Valletta fejn tkellem ma’ diversi impjegati kif ukoll konsumaturi li żaru l-kapitali.

Bosta kienu l-persuni li tkellmu ma’ Bernard Grech dwar l-effetti tal-għoli tal-ħajja u l-impatt li din qed tħalli fuq diversi negozji.

Minn naħa l-oħra, Bernard Grech li kien akkumpanjat mill-Minority Leader tal-PN Chris Micallef u mid-Deputat Nazzjonalista Mario de Marco, qal li wara diversi laqgħat ma sidien tan-negozji ħareġ biċ-ċar li l-problema tal-għoli tal-ħajja qed ittellef mhux ftit mill-bejgħ. Saħaq ukoll li kien hemm min qallu li x-xogħol żdied ftit, madankollu hemm numru ta’ problemi li jridu jiġu ndirizzati.

Bernard Grech qal li fil-Belt Valletta wieħed għadu jsib diversita’ ta’ ħwienet; fosthom dawk tradizzjonali u dawk li ilhom joperaw għal diversi snin.