Ewropa Lokali

“L-imħuħ wara l-assassinju għandhom jitressqu għall-ġustizzja” – il-Kunsill tal-Ewropa

Ċanfira oħra lejn il-mod li bih qed imexxi Robert Abela

Kull min kien responsabbli għall-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, għandu jitressaq għall-ġustizzja; inkluż dawk li kienu l-imħuħ biex tfassal il-pjan li wassal għal dan il-qtil ħames snin ilu.

Dan intqal mill-Kunsill tal-Ewropa f’ittra mibgħuta lill-Prim Ministru Robert Abela ftit tal-jiem ilu.

Il-Kunsill, din il-ġimgħa, ippubblika l-ittra li intbgħatet lil Abela u li fiha l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem Dunja Mijatovic saħqet li l-awtoritajiet Maltin iridu jżidu l-isforzi tagħhom fl-investigazzjonijiet dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia.

Mijatovic qalet li dan huwa neċessarju biex issir ġustizzja mal-vittma u mal-familja tagħha, kif ukoll b’rispett lejn d-drittijiet tal-bniedem – speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-libertà tal-espressjoni inkluż il-libertà tal-istampa. Hi żiedet tgħid li l-ħarsien ta’ dawn il-libertajiet huma pilastri f’demokrazija.

Il-Kummissarju tad-Drittijiet tal-Bniedem talbet aġġornament dwar il-miżuri li l-Gvern bi ħsiebu jieħu dwar it-tisħiħ tal-protezzjoni u s-sigurtà tal-ġurnalisti, u esprimiet tħassib li l-kumitat ta’ esperti imqabbad mill-Gvern biex joffri pariri dwar bidliet fis-settur tal-media f’Malta ma kkonsultax mas-soċjetà ċivili jew mal-ġurnalisti f’Malta … waqt li qalet li dan juri nuqqas ta’ trasparenza.

Mijatovic esprimiet tħassib ukoll dwar id-diffikultajiet li jsibu l-ġurnalisti f’Malta biex jiksbu informazzjoni li tkun ta’ interess pubbliku, kif ukoll dwar l-użu ta’ kawżi SLAPP. U appellat biex l-awtoritajiet Maltin jassiguraw li l-ġurnalisti jingħataw aċċess sħiħ fi żmien raġjonevoli għal informazzjoni korretta.

Kien propju din il-ġimgħa li l-Gvern ressaq għall-ewwel qari l-liġijiet l-ġodda li jolqtu l-media u l-liberta tal-espressjoni – liġijiet li ġibdu kritika qawwija, għaliex saru ta’ malajr u mingħajr konsultazzjoni. B’esperti jgħidu li l-mossa tal-Gvern mhu se tbiddel assulutament xejn.