Lokali Qorti

Multa ta’€8,000 u probation għal ‘care worker’ fuq abbuż sesswali fil-konfront ta’ erba’ tfajliet

Care Worker ta’ 61 sena minn Ħal Luqa ġie mmultat €8,000 u ngħata probation wara li nstab ħati ta’ abbuż sesswali fil-konfront ta’ erba’ tfajliet li meta ġara l-każ kllhom bejn is-16 u 17-il sena. Norman Bugeja tqiegħed taħt ordni ta’ probation għal tliet snin wara li nstab ħati li erba’ snin ilu mess lil erba’ tfajliet taħt l-età mingħajr il-kunsens tagħhom, u li talabhom pjaċiri sesswali, mhux biss bl-azzjoni, iżda bil-fomm u b’mossi. Ir-raġel seta’ weħel numru ta’ snin il-ħabs.

Bugeja ma nstabx ħati mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit li offenda l-pudur u l-morali b’għemil li sar f’post pubbliku u li wettaq ir-reati bħala uffiċjal pubbliku u dan minħabba nuqqas ta’ provi. Meta instemgħu l-provi l-Ispetturi John Spiteri, Joseph Busuttil u Hubert Cini qalu li l-każ seħħ f’dar residenzjali fit-18 ta’ Novembru tal-2018. 

Ir-raġel kien fil-mira tal-investigazzjonijiet tal-pulizija wara li tnejn mit-tfajliet fdaw fil-‘care workers’ inkarigati li jgħinu lit-tfal immigranti li ma kellhomx familja ma min jiftħu qalbhom. L-Ispetturi John Spiteri u Joseph Busuttil kienu qalu lill-Qorti li l-akkużat kellu relazzjoni intima ma’ waħda mit-tfajliet f’shelter u għamel sess mhux kunsenswali mal-vittmi l-oħra li finalment iddeċidew li jikxfu l-każ meta ma setgħux jifiħu aktar bis-sitwazzjoni.

L-ewwel żewġ vittmi xehdu bis-sistema tal-‘video conferencing’. L-ewwel tfajla, li qalet li ġiet Malta ftit xhur qabel ma seħħ il-każ u li fir-residenza fejn seħħ l-inċident kienu joqogħdu kemm bniet kif ukoll subien. Qalet, li t-tfajliet kienu joqogħdu fis-sular t’isfel.

Qalet li fid-dar kien hemm ukoll xi ħaddiema, fosthom Bugeja u l-koordinatur tal-post u li meta kien ikun xogħol, huwa kien imur f’kamra tagħha mal-lejl u joffrilha €50 għall-pjaċiri sesswali. “Kien iqajjimni u jgħidli biex insegwih. Kien ixejjer karta tal-€50, jgħid xi ħaġa u jurini l-parti tiegħu. Xi kultant, kien iqajjimni billi jitfa’ l-ilma fuq wiċċi”, hija xehdet.

It-tieni vittma spjegat li Bugeja beda jġib ruħu ħażin fl-ewwel ġimgħa li waslet fid-dar u li darba pprova anke jikkonvinċiha biex torqod miegħu. Darba tbaxxejt biex inġib il-ħasla u ġie minn warajja u essli l-warrani u offrieli €20 biex norqod miegħu.

Tfajla oħra vittma qalet li meta ġara l-każ kienet ilha toqgħod fir-residenza madwar xahar u nofs. Qalet li darba Bugeja talabha tagħtih bewsa fuq il-warda. “Kont ukoll fis-sodda u darba rajt lill-akkużat imelles saqajn waħda mill-vittmi meta din kienet qed tibki. Hija qaltilna li kien offrielha l-flus biex tagħtih pjaċiri sesswali u wrieha l-parti privata tiegħu. Ir-raba’ tfajla xehdet li l-akkużat kien iqajjem lit-tfajliet billi jikxifhom u jitfagħlhom l-ilma.

Rigward il-piena il-Qorti qalet li ma thossx li ghandha tinfliġġi piena ta’ priġunerija effettiva anke jekk l-ewwel akkuża
tfisser piena minn tlieta snin sa seba’ snin priġunerija u dan ghaliex il-fatti inkriminanti ma kinux ta’ tali entita’ li
jimmeritaw priġunerija.

Il-Qorti qalet ukoll li ma tistax timponi sentenza ta’ habs sospiża l-anqas u għalhekk tħoss li l-aktar piena idoneja hija piena komunitarja flimkien ma’ multa. Fid-deċiżjoni tagħha,  Apparti l-ordni ta’ probation u l-multa, Bugeja ġie ordnat iħallas b’€2,334.55 fi spejjeż tal-Qorti. Għalih deheru l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri.