Futbol Sport

Tissokta l-investigazzjoni b’rabta mat-traġedja fi istadium fl-Indoneżja

(Ritratt: EPA)

Sitt persuni, inklużi uffiċjali tal-pulizija u organizzaturi, qed jiffaċċjaw akkużi kriminali dwar dak li seħħ fi stadium tal-futbol fejn fi tmiem il-ġimgħa mietu 131 persuna .

Skont il-kap tal-pulizija tal-Indoneżja huma se jkunu akkużati b’negliġenza li tikkawża l-mewt, liema sentenza ġġorr magħha sa massima ta’ ħames snin ħabs. Id-diżastru seħħ il-ġimgħa li għaddiet meta l-pulizija sparaw gass tad-dmugħ lejn il-partitarji li invadew il-grawnd wara telfa. Mijiet ta’spettaturi ppruvaw jaħarbu mill-bibien tal-istadium bir-riżultat li bosta spiccaw mgħaffġa. L-inċident wassal għal rabja pubblika, bi kritika mmirata lejn il-pulizija u l-użu ta’ gass tad-dmugħ. Il-kap tal-pulizija lokali f’Malang, fejn seħħ l-inċident, tkeċċa u disa’ uffiċjali oħra ġew sospiżi.

Dawk li issa qed jiffaċċjaw akkużi jinkludu tliet uffiċjali tal-pulizija li kellhom fil-pussess tankijiet bil-gass tad-dmugħ, il-kap tal-kumitat organizzattiv tal-klabb Arema FC u wieħed mill-uffiċjali tas-sigurtà tal-klabb.