Kummerċ Lokali

Iz-zokkor jogħla tliet darbiet f’temp ta’ ġimgħa

Wara li kważi l-prodotti kollha qegħdin jgħolew minn ġurnata għal oħra, prodott li jintuża ħafna mill-konsumaturi u li fil-ġimgħat li ġejjin l-użu tiegħu se jiżdied bil-bosta huwa z-zokkor. Ħafna qegħdin iħossumhom skantati kif f’temp ta’ ġimgħa minn katina ta’ supermarkets li hija magħrufa għall prezzijiet imraħħsa, borża zokkor li kienet tinbiegħ 69 ċenteżmu, issa qed tinbiegħ ewro u 40 ċenteżmu.

Mhux ta’ f’xejn li l-aktar fattur li qed iħasseb lill-poplu Malti u Għawdxin bħalissa huwa l-għoli tal-ħajja. Stħarriġ li sar ftit tal-ġimgħat ilu u mifrux fuq il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea imħejji mill-Kummissjon Ewropea juri li ż-żidiet fil-prezzijiet hu fost l-aktar żewġ affarijiet li qed jinkwetaw lill-Maltin.

L-istħarriġ kien qal li 52% tal-Maltin li wieġbu għall-mistoqsijiet semmew l-għoli tal-ħajja bħala waħda mill-aktar żewġ affarijiet li qed jinkwetawhom. Wara li għola l-ħalib, il-ħobż u ż-żejt fost mijiet ta’ prodotti oħra, imma li dawn huma indispensabbli, issa kien imiss iz-zokkor, li dalwaqt se jibda jkun aktar ‘in voga’ peress li għal żmien il-Milied kulħadd jibda jaħseb għal kejkijiet u pasti.

Imma jidher li lanqas min iħobb il-ħelu mhuwa se jeħlisha mill-għafsa tal-għoli tal-prezzijiet. Issa huwa mistenni li ħafna mill-prodotti magħmulin mill-ħelu wkoll se jesperjenzaw żieda fil-prezz.