Lokali

‘Daphne Eroj Maltija’ – ħames snin minn assassinju li ħasad pajjiż

“Dan huwa anniversarju mportanti ħafna li jiddispjaċina ninnotaw li mhux qed jiġi mmarkat mill-Gvern Malti. Donnu l-Gvern Malti ma tgħallem xejn mill-inkjesta pubblika li sabitu ħati li ħoloq ċirkostanzi fejn il-ġurnalista inqatlgħet”

Hekk saħaq il-President ta’ Repubblika Robert Aquilina meta s-Sibt filgħodu fil-Belt Valletta, l-Għaqda Non Governattiva nediet esebizzjoni bl-isem ‘Daphne Eroj Maltija’ b’tifkira tal-ħames anniversarju mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Aquilina saħaq li filwaqt li l-Parlament Ewropew ser jagħmel diskussjoni fil-Parlament dwar il-qtil ta’ Daphne, il-Gvern Malti b’ebda mod ma qiegħed jagħti ġieh lilha, bħal donnu jrid inessi li ġurnalista nqatlet f’Malta.

Din l-esebizzjoni tfakar f’ħames skandli fejn fi kliem l-għaqda Repubblika Daphne Caruana Galizia kellha raġun. Fosthom meta hija kkrritikat il-bejgħ taċ-ċittadinanza lil nies li ma kellhom l-ebda konnessjoni ma’ Malta.

Il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kkumentat dwar kif ftit xhur wara l-ħatra ta’ Joseph Muscat, huwa qabbad lil Henley & Partners biex ibiegħu l-passaporti Maltin.

Il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kixfet ukoll li l-kuntratt tal-privatizzazzjoni tat-tliet sptarijiet pubbliċi kien miftiehem max-xerrejja qabel ma saret is-sejħa għat-tenders, u saħansitra ppubblikat il-kuntratt sigriet favur Vitals Global HealthCare – kritika li ma ġietx milquha tajjeb mill-Gvern.

Din il-wirja tfakkar ukoll meta Daphne Caruana Galizia żvelat li Keith Schembri u Konrad Mizzi kellhom kumpanija kull wieħed fil-Panama, li nfetħu ftit wara li l-Labour tela fil-Gvern fl-2013.

Din l-esebizzjoni kienet indirizzata wkoll minn Clemence Dujardin mill-Occupy Justice.

Fl-aħħarnett, Il-President tal-Għaqda Repubblika  appella lil-Pubbliku sabiex jattendi l-attivitajiet  organizzatti minn Repubblika, Occupy Justice u manueldelia.com li ser isiru bejn l-Erbgħa 12 ta’ Ottubru sat-Tnejn 17 ta’ Ottubru b’tifkira tal-ħames anniversarju mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.