Futbol Sport

Fir-Rumanija, ma jistgħu jittieħdu ebda passi kontra Devis Mangia … ankè jekk Razvan Popa jressaq evidenza

Imħallef Rumena qed twissi li jekk jitressqu provi kontra l-kowċ Devis Mangia, xorta ma jistgħu jittieħdu ebda proċeduri kriminali. Dan għaliex għaddew aktar minn tliet xhur minn mindu allegatament seħħew l-avvanzi li rreferiet għalihom omm il-plejer Razvan Popa f’intervista li tat fl-aħħar jiem.

Dan l-iżvilupp mhux mistenni ġie rappurtat illum mill-ġurnal Gazeta Sporturilor illi intervistat lil din l-imħallef li hi popolari ferm fir-Rumanija; meqjusa bħala awtorità.

L-Imħallef Corina Voicu qalet ukoll li “ankè jekk Popa iġib evidenza ta’ dak li qed jgħid, xorta ma jkunx biżejjed. U b’hekk Mangia jkun jista’ jkompli jaħdem fil-futbol u ma jirċievi ebda kundanna – sempliċiment għaliex il-vittma ma jkunx irrapporta l-każ lill-Pulizija fi żmien tliet xhur.”

L-Imħallef Voicu tkellmet dwar il-loopholes li hemm fil-liġi Rumena. U qalet li l-mod kif inhi imfassla, tinjora l-istat tal-vittma li jkun għaddej minn trawma u jkun qed isibha diffiċli biex jitkellem mal-ewwel dwar dak li jkun għadda minnu.

“Ġeneralment, il-vittma bis-silenzju tiegħu jkun qed jevita li jesponi ruħu għal umiljazzjoni akbar. Imma wara dak li qrajna fl-aħħar jiem, is-soċjetà trid tirrealizza wkoll li hemm diversi nuqqasijiet fil-liġi kif inhi”.

Hi insistiet ukoll li f’dan il-mument irridu nimxu mal-kunċett li persuna jkun preżunt innoċenti sakemm jinstab ħati – dan b’referenza għall-kowċ Taljan.

Din il-ġimgħa, il-club Rumen li miegħu kien jilgħab id-difensur Razvan Popa iddikjara li kien għamel investigazzjoni interna u ma rrapurtaw xejn. Aktar u aktar minħabba l-fatt li l-ġenituri għażlu li ma jirrapurtawx il-każ, u l-istqarrija ħarġuha tliet snin tard.

Dwar l-allegazzjonijiet li saru f’pajjiżna, Mangia qed jibqa’ jiċħad xi tip ta’ involviment.

L-MFA qed tinvestiga l-każ, li jinsab ukoll għand il-Pulizija Maltija.