Rowen Camilleri
VALLETTA…………0
ĦAMRUN S………..1
Valletta: A. Guarnone, E. Ruiz, J. Borg, T. Caruana (A. Zammit 72’), C. Gauci (O. Akpoveta 80’), E. P. Beltre, B. Kamdem, B. Paiber, N. Nnomo (S. Dimech 30’) E. Sala, K. Bevis
Ħamrun S: H. Bonello, S. Borg, M. Guillaumier, L. Montebello (V. De Freitas 72’), J. Soares (E. Mashike 62’), R. Prsa (B. Ederson 62’), O. Bjelicic, J. Corbalan, J. Do Nascimento, E. Marcelina, R. Camenzuli
Imwissija: E. Marcelina 39’ (Ħ)
Skorja: J. Soares 21’ (Ħ)
Referee: Ishmael Barbara
Assistenti Referees: Luke Portelli u Duncan Spencer
BOV Plejer tal-Logħba: Ryan Camenzuli (Ħamrun Spartans)
Il-Mument Plejer tal-logħba: Ryan Camenzuli (Ħamrun Spartans)
Fl-ewwel parttia tas-Sibt fl-Istadium Nazzjonali Ħamrun Spartans komplew fejn ħallew kontra Floriana u għelbu lir-rivali Valletta 1-0. Forsi wieħed kien jipprevedi rebħa aktar ixxamplata għall-Ispartans iżda Valletta kellhom il-mumenti tagħhom fl-attakk filwaqt li ddefendew tajjeb ukoll. L-uniku gowl tal-partita wasal fil-21 minuta minn Dodo.
Ħamrun Spartans fetħu l-iskor fil-21 minuta meta kien Corbalan li għadda lejn Jonny li wara ħarba veloċi tefa’ pass fil-baxx fejn sab lil Jorge Soares żmarkat għal kollox u b’faċilta kkonkluda wara Guarnone għal 1-0. Erba’ minuti wara Eslit Sala għal Valletta jirnexxielu jidħol fil-kaxxa avversarja iżda minn qagħda angulata ra x-xutt b’saħħtu tiegħu jmur għoli. Valletta jibqgħu jinsistu u fil-35 minuta Pena Beltre jirnexxielu jaqbeż lil Marcelina fil-kaxxa u prova xutt fil-baxx li mpenja lil Bonello li kellu jdawwar f’korner. Mill-istess korner Enzo Ruiz għola tajjeb fuq kulħadd iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu kienet spiċċat f’idejn Bonello. L-ewwel taqsima ntemmet b’Ħamrun fil-vantaġġ bl-iskor ta’ 1-0.

B’Valletta joħorġu aktar agressivi fit-tieni taqsima l-ewwel azzjoni denja ta’ nota waslet minn Ħamrun fis-56 minuta meta Dodo tefa’ fit-tul lejn Jonny li wara li qabeż difensur fil-kaxxa prova bix-xellug iżda l-ballun spiċċa għoli. Fis-67 minuta Ryan Camenzuli bi kross insidjuż li sab lil Jonny li x-xutt mill-ewwel tiegħu għadda mħakkek mal-wieqfa. Żewġ minuti wara minn azzjoni personali Brandon Paiber ittanta xortiħ minn barra l-kaxxa b’Henry Bonello jkollu b’diffikultà jdawwar f’korner. Fl-74 minuta ċans ieħor għall-Ispartans fejn minn kross ieħor ta’ Camenzuli, Jonny daħal tajjeb bir-ras u għalkemm kien hemm l-illużżjoni ta’ gowl il-ballun għadda ftit barra. Ħamrun baqgħu jgħafsu għat-tieni gowl u fis-86 minuta mill-free kick tas-sostitut Bruno Ederson, id-daqqa ta’ ras ta’ Guillaumier għaddiet ftit barra. Minuta wara ċans tad-deheb ieħor għal Ħamrun. L-ewwel kien xutt ta’ Freitas li Guarnone ma ħatafx bil-ballun jispiċċa għand Elvis li minn taħt il-lasta tefa’ barra. Fid-89 minuta Valletta resqu l-aktar viċin li jiksbu l-gowl tad-draw meta kien nuqqas ta’ ftehim bejn Steve Borg u Henry Bonello bis-sostitut Belti Akpoveta jisraq il-ballun u b’xutt mill-ewwel ra lil gowlkiper Internazzjonali Malti jilqalu b’siequ. L-iskor baqa’ ma nbidilx u Ħamrun żammew ir-rekord perfett tagħhom fejn minn sitt partiti rebħu sitta u issa ilhom ħames logħbiet ma jsofru gowl.
//= $special ?>