Ma tingħata ebda spjega għalfejn iċ-childcare centre ngħalaq f’daqqa
Ħabta u sabta l-Gvern iddeċieda li jagħlaq iċ-Childcare Centre li kienu jagħmlu użu minnu l-ħaddiema tal-Isptar Mater Dei.
Diversi ħaddiema spiċċaw maħsuda bl-aħbar li ngħatatilhom mill-Ministeru tas-Saħħa hekk kif mingħajr ebda spjegazzjoni dan qabad u għalaq iċ-Childcare centre, li kien infetaħ proprju għal dawn il-ħaddiema li jaħdmu sigħat twal minn Gvern Nazzjonalista.
Net News tkellem mal-President tal-Union tal-Infermieri u l-Qwiebel Paul Pace li spjega l-għadab ta’ dawn il-professjonisti u ġenituri.
“Il-ġimgħa li għaddiet, kiesaħ u biered, il-Ministeru ddeċieda li jagħlaq iċ-childcare centre ta’ Mater Dei. Infurmaw lill-impjegati ta’ Mater Dei fosthom nurses u radiographers bl-aħbar ħażina u dawn ovjament inħasdu għax biex issib childcare centre f’daqshekk żmien qasir hija ħafna diffiċli.”
Paul Pace insista li l-Ministeru ma ta ebda risposta dwar għal liema raġuni dan iċ-childcare centre se jkun qiegħed jingħalaq…b’eluf ta’ ħaddiema issa spiċċaw b’sitwazzjoni diffiċli ħafna fuq ħoġorhom.
“Meta aħna bħala Union ċempilna biex nistaqsu għalfejn ittieħdet deċiżjoni bħal din meta nafu li hemm 5,000 ruħ l-isptar u ħafna minnhom irabbu t-tfal, ma ngħatajnix spjegazzjoni. Aħna rajniha verament xi ħaġa li mhux f’lokha. Huwa importanti li jkollok childcare centre fi sptar, meta taf li għandek kważi belt żgħira f’Mater Dei.”
Paul Pace insista li minkejja l-ħidma sfieqa u kontinwa tal-professjonisti tas-saħħa xorta waħda m’humiex stmati kif jixraqilhom.
Il-President tal-MUMN insista li l-Union qed tappella sabiex sakemm jinstab childcare adegwat għall-esiġenzi ta’ dawn il-ħaddiema li jagħmlu sigħat twal ix-xogħol, huma jaħdmu fuq bażi ta’ telework bil-għan li jkunu jistgħu joqgħodu ma’ uliedhom.
“Qed nitolbu li l-ħaddiema li ntlaqtu ħażin minn din id-deċiżjoni, huma u t-tfal tagħhom, biex għalmenu jingħataw forma ta’ teleworking għax dawn ma jistgħux iħallu t-tfal id-dar. U s-sitwazzjoni qiegħda b’tali mod li qed jgħidulna li biex isibu childcare centre disponibbli, hemm waiting list sa Jannar 2023. Tista’ tgħid jekk ma jsibux għandhom sa Jannar ikollhom jaħdmu bit-teleworking. Dan kollu juri nuqqas kbir minn naħa tal-Ministeru li tittieħed deċiżjoni mil-lum għal għada mingħajr ma tara d-diffikultajiet li jinsabu fihom il-ġenituri u t-tfal meta dawn qed jagħtu servizz impekkabbli lill-marid.”
Inevitabbilment huma diversi l-persuni f’dan is-settur li qed jissuspettaw li din ma hija xejn ħlief budget cut oħra minn naħa tal-Gvern fejn wara li qata’ miljun ewro mir-Riċerka tal-Università u għażel li jnaqqas l-investiment fl-edukazzjoni issa iddeċieda li jdur għall-professjonisti tas-saħħa – fejn mossa ta’ din il-kwalità qed tiġi interpretata mill-ħaddiema stess li jekk m’għandekx ma min tħalli lil uliedek….dan ix-xogħol m’għadux jgħodd għalik.
//= $special ?>