Gowl fid-90 minuta ta’ Francisco Rodrigues Farias salva punt għal Santa Lucia kontra Marsaxlokk hekk kif kollox deher li l-Yellows kienu se jsofru s-sitt telfa minn sitta biex b’hekk ħadu l-ewwel punt tagħhom dan l-istaġun. Minn naħa tagħhom Marsaxlokk ta’ Pablo Doffo iridu jittamaw li Sirens ma jwetqux xi sorpriża għada kontra Gżira sabiex iżommu l-10 post fil-klassifika u ma jinżlux aktar l-isfel.
Kienu Santa Lucia li fetħu l-iskor fl-14-il minuta meta x-Xlukkajri irregalaw il-ballun fil-kaxxa u kien Vaalport li mill-viċin għeleb lil Drobnjak. Marsaxlokk ġabu d-draw fid-29 minuta meta Daniel Agius tefa’ kross insidjuż fil-kaxxa u f’tentattiv li jtajjaw Lornezo Fonseca tefa’ fix-xibka tiegħu stess. Fid-39 miuta Marsaxlokk marru minn fuq meta minn korner ta’ Aguirre kien Walter Serrano li tefa’ wara Calleja Cremona. L-ewwel taqsima ntemmet b’Marsaxlokk meritatament minn fuq.
Fit-tieni taqsima Santa Lucia, anke jekk ma ħolqux wisq, urew titjieb fil-logħob tagħhom u meta kollox kien qed juri li se jispiċċaw fuq in-naħa telliefa Farias daħal fil-kaxxa u kien imwaqqa’ minn Serrano bir-referee Matthew Degabriele jsaffar il-penalty. Mill-11-il metru l-istess Francisco Rodrigues Farias ma żbaljax u salva punt għal Santa Lucia, l-ewwel wieħed wara sitt logħbiet.
//= $special ?>