Lokali

KONFERMA LI L-PARIRI ĠEW INJORATI: “Il-Gvern għandu jikkonsulta”

Il-Media Refrom Initiative (MRI) tinnota b’sodisfazzjoni li kemm f’Malta kif ukoll fost organizzazjonijiet internazzjonali qed jikber l-appoġġ għat-talba biex il-Gvern iniedi proċess ta’ konsultazzjoni pubblika serja dwar il-proposti li ressaq għar-riforma fil-ġurnaliżmu u l-libertà tal-espressjoni.

Dawn it-talbiet kollha għall-konsultazzjoni pubblika huma riżultat tat-twemmin li l-ebda riforma ma għandha ssir mingħajr konsultazzjoni pubblika. Dawn it-talbiet għal konsultazzjoni pubblika juru li ħadd mhu qed jemmen lill-Gvern meta jgħid li diġà għamel konsultazzjoni pubblika. Dawn it-talbiet huma wkoll riżultat tal-fatt li r-riforma li qed jipproponi l-Gvern hija waħda mimlija difetti u hija waħda li ma tipproteġix lill-ġurnalisti bis-serjetà.

Ma jemmnux li l-proposti tal-Gvern jipproteġu lill-media

Mal-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet Umani, Dunja Mijatovic, ingħaqdu wkoll il-Coalition Against SLAPP in Europe (CASE), il-European Centre for Press Media Freedom u l-Article 19. Dawn huma lkoll għaqdiet internazzjonali, li jiġġieldu għal-libertà tal-media, li bħalna qed jitolbu li ssir konsultazzjoni pubblika serja. Sar ukoll alert mill-Platform for the Protection of Journalism and Safety of Journalists, li hija parti mill-inizzjattivi tal-Kunsill tal-Ewropa kontra l-miżinformazzjoni u t-theddied fil-konfront tal-media indipendenti.

Dawn l-għaqdiet qed jitolbu wkoll li r-riforma tkun konformi ma’ standards internazzjonali. Dan huwa sinjal ċar ieħor li dawn, bħalna, ma jemmnux li dak li qed jipproponi l-Gvern jipproteġi lill-media kif meħtieġ.

X’ħareġ mill-konsultazzjoni li għamel l-IĠM?

Waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni pubblika organizzata mill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, il-Ħamis filgħaxija, dawk preżenti appoġġaw it-talba li ripetutament għamel l-IĠM biex il-Gvern jagħmel konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma proposta għal-liġijiet li jolqtu lill-ġurnalisti u lil dawk li jieħdu sehem fid-dibattitu pubbliku, bħall-attivisti u oħrajn.

Tul il-laqgħa ħareġ ċar li l-Gvern qed jinjora l-aktar proposti importanti li għamel il-Kumitat ta’ Esperti u dak li ried l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin. Fost dawn il-proposti hemm li l-ġurnaliżmu jitqiegħed bħala r-raba’ pilastru tad-demokrazija u li dan l-għarfien jitqiegħed fil-parti tal-Kostituzzjoni li wieħed jista’ jappella għaliha quddiem il-Qorti.

Tul il-laqgħa ta’ konsultazzjoni ħareġ bl-aktar mod ċar li l-proposti tal-Gvern dwar l-attakki fuq il-ġurnalisti u l-attivisti permezz ta’ kawżi SLAPP lanqas biss jirriflettu l-minimu mitlub mid-Direttiva dwar is-suġġett li qed tipproponi l-Kummissjoni Ewropea.

L-esperti fil-libertà tal-media tal-OSCE (l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa) kienu diġà wissew lill-Gvern darbtejn li l-proposti tiegħu kienu problematiċi. Il-Gvern anke lil dawn l-esperti qed jinjora.

Dan huwa fatt serju ħafna, speċjalmet meta tqis li, ras għal ras, Malta hija l-aktar pajjiż fl-Ewropa fejn il-ġurnalisti qed jisfaw vittmi ta’ attakki inġusti bis-SLAPP; attakki li jistgħu jkissruhom.

Jekk ma l-Gvern ma jikkonsultax, l-IĠM għandu jitlaq mill-Kumitat

Tul il-laqgħa ta’ konsultazzjoni, li fiha ħadu sehem anke l-membri tal-Media Reform Initiative (MRI), intwera appoġġ sħiħ lill-ħidma tal-IĠM li qed issejjaħ għal konsultazzjoni pubblika effettiva fuq il-proposti leġiżlattivi. Intwera appoġġ ukoll għall-pożizzjoni li, jekk il-konsultazzjoni tibqa’ ma ssirx, l-IĠM ma jibqax parti mill-proċess li nieda l-Gvern u ma jibqax parti mill-Kumitat ta’ Esperti.