Lokali

AĠĠORNATA: Tinfetaħ inkjesta fil-konfront ta’ tliet uffiċjali tal-Pulizija

Tliet kuntistabbli ġew sospiżi mill-Korp tal-Pulizija wara allegazzjonijiet li użaw vjolenza eċċessiva u mhux meħtieġa fil-konfront ta’ persuni barranin.

Jidher li l-informazzjoni waslet għand it-tmexxija tal-Korp il-Ġimgħa u ġiet ordnata inkjesta dwar il-każ; inkjesta li qed titmexxa mill-Maġistrat Elaine Mercieca.

Il-każ jidher li hu relatat ma’ allegat swat fil-konfront ta’ irġiel barranin fil-Ħamrun. U mhux eskluż li dawn kienu immigranti.

It-tliet kuntistabbli li jinsabu sospiżi huma mara u żewġt irġiel, b’sezzjonijiet tal-media jgħidu li huma ġew rappurtati minn sħabhom stess. Għalkemm dan ma setax jiġi konfermat b’mod indipendenti.

Li hu żgur hu, li l-barranin qed jinżammu taħt osservazzjoni – wieħed minnhom fl-Isptar Monte Karmeli.

Fi stqarrija, kelliema għall-Korp spjegaw li dawn l-uffiċjali naqsu gravament fil-qadi ta’ dmirjiethom u għaldaqstant il-Korp avża lill-Maġistrat tal-Għassa sabiex tmexxi inkjesta maġisterjali.

Filwaqt li l-każ qed ikun investigat b’reqqa, il-Korp tal-Pulizija fakkar fl-istqarrija li ħareġ illi ma jittollera ebda episodji simili mill-membri tiegħu. Il-Korp fakkar li l-maġġoranza tal-membri jwettqu dmirhom b’serjetà u lealtà lejn is-soċjetà li huma mitluba jservu.