Futbol Sport

Balzan jirritornaw għar-rebħ

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Matthias Mizzi

PIETÀ HOTSPURS…………2

BALZAN………………………3

Pietà Hotspurs: S. Alampasu, S. Okoh, C. Bangura (A. Belibi 86’), O. Temitope (P. Lapira 86’), J. Ghio (K. Briffa 76’), L. Abedel, A. Wismayer (S. Mizzi 86’), Z. Leonardi, A.  Atanda, A. Camara (Y. Morita 52’), T. Yamaguchi

Balzan: R. Briffa, I. Bozovic, S. Arab, P. Fenech, U. Ljubomirac (A. Bradshaw 89’), M. Zlatkovic, S. Jalu (B. Mladenovic 58’), A. Satariano, N. Braunovic (M. Grima 58’), M. Raso, B. Kaljevic (M. Nogureira 76’)

Imwissija: Z. Leonardi 9’ (PTH), J. Ghio 25’ (PTH), I. Bozovic 30’ (BLZ)

Skorjaw: M. Raso 22’ (BLZ), T. Yamaguchi 50’ (PTH), A. Satariano 54’ (BLZ), B. Kaljevic 56’ (BLZ), Y. Morita 59’ (PTH)

Referee: Daniel Casha

Assistenti Referees: Edward Spiteri & Thomas Debono

In-Nazzjon Plejer tal-Logħba: Bojan Kaljevic (BLZ)

BOV Plejer tal-Logħba: Bojan Kaljevic (BLZ)

Minkejja l-wirja qalbiena Pietà Hotspurs ħarġu b’idhom f’idhom f’partita li kien ħaqqhom jakkwistaw xi punti. Fuq in-naħa l-oħra Balzan għarfu jiskurjaw kull darba li sabu ruħhom taħt pressjoni.

Wara bidu fjakk miż-żewġ timijiet Balzan fetħu l-iskor fl-ewwel azzjoni denja ta’ nota permezz ta’ daqqa ta’ rass minn Momcilo Raso. Man-nofs iegħa logħob, opportunità tajba għal Balzan fejn setgħu faċilment irdoppjaw iżda Bojan Kaljevic għażel li jikkonkludi b’mod ċentrali minflok qassam lejn sħabu. Sitta u tletin minuta logħob, Suleiman Jalu f’pożizzjoni tajba ta’ gowl iżda spara għoli mill-viċin. Pietà wieġbu bl-ewwel tentattiv tagħhom lejn il-lasti permezz ta’ xutt mid-distanza tal-Ġappuniż Takuma Yamaguchi li ġie mdawwar f’corner minn Rudy Briffa. Qabel il-mistrieħ l-ex plejer ta’ Frosinone Alex Satariano falla ċans tad-deheb b’xutt inkredibilment għoli minn taħt il-lasti.

Fit-tieni taqsima, proprju mal-ħamsin minuta Pietà Hotspurs għamlu l-iskor indaqs, liema wieħed fisser ukoll it-tieni gowl tagħhom fil-Premier għal dan l-istaġun. Kien il-gowlkeeper Rudy Briffa li ma ħatafx tajjeb minn kross, bil-ballun waqa’ f’saqajn Takuma Yamaguchi u f’lasta vojta ma żbaljax. Pietà ma tantx damu jgawdu dan il-gowl għaliex tliet minuti biss wara Satariano patta għall-iżball tal-ewwel taqsima b’xutt fil-baxx fil-kaxxa ż-żgħira li din id-darba spiċċa fix-xibka. Tliet minuti wara Balzan għamluhom tlieta b’wieħed meta Milos Zlatkovic avvanza tajjeb, xeħet kross lejn Kaljevic, bl-attakkant prolifiku Montenegrin mattar saqajh u xellef il-ballun għal ġewwa. Qabel is-siegħa logħob, Pietà naqsu l-marġni tal-iskor meta Atanda Ganiu niżżel il-ballun bir-ras lejn Yotu Morita, bil-Ġappuniż tefa’ l-ballun fix-xibka. Fit-68 minuta Kaljevic kien viċin li jiskorja gowl tal-istampi hekk kif il-free-kick mogħti minnu mid-distanza stampa mal-mimduda. Fl-aħħar ftit minuti l-Hotspurs tefgħu kollox fuq l-offensiva bit-tama li jġibu l-iskor indaqs imma kull sforz tagħhom kien għalxejn għax sabu d-difiża ta’ Balzan kompatta.