Internazzjonali

Hong Kong:  Ikkundannati l-ewwel adolexxenti taħt il-liġi għas-sigurtà nazzjonali

L-awtoritajiet ġudizzjarji f’Hong Kong ikkundannaw ħames adolexxenti għal tliet snin priġunerija f’Hong Kong wara li huma nstabu ħatja dwar attività intiża għat-twaqqigħ tal-amministrazzjoni tat-territorju miċ-Ċina. Din hi l-ewwel darba li l-liġi pjuttost ġdida għas-sigurtà nazzjonali ntużat f’qorti ta’ Hong Kong kontra imputati taħt it-18-il sena. Dan meta l-libertà f’Hong Kong spiċċat dejjem aktar mittiefsa fuq id-direttivi tal-Gvern komunista f’Beijing.

Iċ-Ċina, fl-2020, kienet introduċiet il-liġi li tiffaċilita l-prosekuzzjoni tad- dimostranti f’Hong Kong. Dan waqt li ħafna attivisti f’Hong Kong li sfidaw lill-Gvern Ċiniż komunista spiċċaw il-ħabs f’dawn l-aħħar xhur u bir-riżultat li naqset ħafna mill-oppożizzjoni politika għaċ-Ċina li kienet ħadet lura l-amministrazzjoni ta’ Hong Kong mingħand il-Britanniċi fl-1997.

Il-qorti semgħet li l-imputati kienu użaw il-media soċjali biex jippromwovu ‘rivoluzzjoni mdemmija’ intiża biex teqred lill-awtorità taċ-Ċina fit-territorju.

L-adolexxenti, li l-etajiet tagħhom ivarjaw minn 16 u 19-il sena, huma membri tal-grupp għall-indipendenza ta’ Hong Kong bl-isem Returning Valiant. Intant, l-imputati qed jintbagħtu lejn hekk-imsejjaħ ċentru ta’ taħriġ minflok il-ħabs – bl-awtoritajiet ‘il quddiem iridu jevalwaw mill-ġdid il-perjodu ta’ priġunerija.

Il-każ partikulari anki jinvolvi lil żewġ adulti, residenti f’Hong Kong, li l-verdett dwarhom għandu jkun ikkonfermat mill-qorti matul il-ġimgat li ġejjin.