Il-qawwiet tar-Russja komplew bl-attakki indiskriminattivi fuq il-poplu Ukren bl-isparar tal-missili fuq il-belt ta’ Zaporizhzhia…Attakk li ssarraf f’talanqas 20 mejtin, fil-parti kbira nett ċivili, u ħsarat sinifikanti fl-infrastruttura.
Dan ukoll waqt li għexieren spiċċaw midruba, bil-missili jeqirdu numru sostanzjali ta’ bini residenzjali.
L-attakki seħħew minkejja li l-President Russu Vladimir Putin kien qal li s-sitwazzjoni kellha tistabbilizza f’ċerti zoni tal-Ukrajna li hu stess kien iddikjarahom ‘parti mir-Russja’ ftit tal-jiem ilu.
U filwaqt li Zaporizhzhia hi kontrollata mill-Ukreni, din tifforma parti minn reġjun li Moska, illum, qed tirreferi għalih bħala estensjoni tat-territorju Russu.
Il-belt ta’ Zaporizhzhia, fl-aħħar ġimgħat, intlaqtet diversi drabi mill-missili tar-Russja li l-qawwiet tagħha qegħdin jisfugaw ir-rabja għal sensiela ta’ telfiet militari b’aktar attakki fuq iz-zoni fejn qegħdin jgħixu ċ-ċivili Ukreni.
Il-Gvernatur reġjonali Ukren f’ Zaporizhzhia, Oleksandr Starukh, qal li bini ta’ disa’ sulari spiċċa parzjalment meqrud fl-aħħar bumbardament, b’talanqas ħames bini oħra jikkrollaw wara li ntlaqtu direttament mill-missili. Ma kienx eskluż li numru kbir ta’ nies setgħu spiċċaw taħt ir-radam, bl-iskwadri tas-salvataġġ, ilbieraħ, itellgħu xi residenti minn taħt it-tifrik tal-bini.
Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky ikkundanna l-aħħar attakki mir-Russi bħala atroċità ġdida kontra ċittadini mhumiex armati u qal li kulmin hu responsabbli għal dawn l-attakki jridu jagħmlu l-kontijiet bħala terroristi aktar ‘il quddiem.
L-inħawi ta’ li Zaporizhzhia jinkludu waħda mill-akbar faċilitajiet nukleari fid-dinja u li waqgħet taħt il-kontroll tat-truppi Russi.
Sadanittant, il-Kap tal-International Atomic Energy Agency (IAEA), Rafael Grossi, qal li s-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-inħawi tal-faċilità kompliet taqleb għall-agħar wara li bumbardament affettwa l-provvista tad-dawl mis-sorsi esterni.
Il-faċilità issa qed tiddependi fuq il-ġeneraturi tad-diesel għall-elettriku meħtieġa għas-sistemi li jberrdu lir-reatturi kif ukoll għal aspetti oħra ta’ sigurtà. Dan waqt li l-IAEA qed tinsisti biex tittella zona ta’ protezzjoni li tevita aktar ħsarat lill-faċilità.
Fi żviluppi oħra, il-bugħaddasa tar-Russja kienu qed jeżaminaw il-ħsarat li saru lill-pont ewlieni li jgħaqqad ir-Russja mal-Krimea okkupata u li kien intlaqat minn splużjoni kbira matul il-jum tas-Sibt.
U minkejja li jista’ jgħaddi ammont ferm limitat ta’ traffiku minn sezzjoni speċifika tal-pont, hu minnu li parti mill-istruttura ċediet b’kaġun tal-isplużjoni.
Ir-Russi, sadanittant, żiedu s-sigurtà madwar iz-zona tal-pont waqt li Vladimir Putin ordna biex issir investigazzjoni sħiħa dwar l-isplużjoni u l-konsegwenzi tagħha.
//= $special ?>

