Lokali

Il-Kummissarju ma jweġibx jekk l-investigaturi għandhomx filmati tal-allegata aggressjoni

Wara l-allegat każ ta’ aggressjoni minn tliet uffiċjali tal-Pulizija, il-Kummissarju qed jgħid li għadu mhux ċert dwar il-kulur tal-ġilda tal-allegati vittmi. Għalkemm stqarr illi “jidher li huma persuni barranin”.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet mid-Depot, il-Kummissarju kkonferma li r-rapport sar minn kollegi ta’ dawn l-uffiċjali.

Hu qal illi ma jirriżultax li l-allegati vittmi soffrew ġrieħi serji, imma feriti gravi. Bil-Kummissarju jikkonferma li kien hemm aktar minn inċident wieħed. “Kien hemm żgur żewġ inċidenti rappurtati, illi seħħew fi ġranet differenti”.

Gafà ma weġibx jekk l-investigaturi għandhom xi filmati li jistgħu jitressqu bħala prova.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet, il-Kummissarju Angelo Gafà qal li se jkompli jaħdem biex ikompli jsaħħaħ il-governanza tajba u d-dixxiplina fil-Korp.

Il-Kummissarju qal li l-għan tiegħu mhuwiex li jippreġudika l-każ.

Aktar kmieni

Dalgħodu fid-Deput se ssir konferenza tal-aħbarijiet wara li tliet kuntistabbli ġew sospiżi mill-Korp tal-Pulizija fuq allegazzjonijiet li użaw vjolenza eċċessiva u mhux meħtieġa fil-konfront ta’ persuni barranin.

It-tliet kuntistabbli li jinsabu sospiżi huma mara u żewġt irġiel, b’sezzjonijiet tal-media jgħidu li huma ġew rappurtati minn sħabhom stess. Għalkemm dan ma setax jiġi konfermat b’mod indipendenti.

Li hu żgur hu, li l-barranin qed jinżammu taħt osservazzjoni – wieħed minnhom fl-Isptar Monte Karmeli.

Dwar dan il-każ għaddejja wkoll inkjesta.